Issa Mhux Biss Tista’ Tidħol Il-Belt Iżda Tinżel Taħtha Wkoll
Minn issa ‘l quddiem, meta tidħol il-Belt tista’ tinżel taħtha wkoll, wara li Heritage Malta fetħet is-sit magħruf bħala Underground Valletta. B’hekk, il-pubbliku jkun jista’ jifhem aħjar x’kien l-użu ta’ dan il-post fil-fażijiet diversi tiegħu filwaqt li jammira l-inġinerija meraviljuża li tħaddmet biex inbniet il-belt kapitali.
Iż-żoni taħt l-art li nfetaħ l-aċċess għalihom jikkonsistu prinċipalment fil-mini li kienu tħaffru mill-Kavallieri biex jaqdu l-ħtiġijiet sanitarji tal-belt il-ġdida li bnew fuq l-Għolja Sciberras; iċ-ċisterni u l-bjar li fihom kien jinħażen l-ilma sekli ilu u x-xelters li tħaffru fit-Tieni Gwerra Dinjija biex fihom isibu refuġju l-Beltin waqt il-ħbit mill-ajru.
Fi żmien il-Kavallieri, l-ispazji taħt l-art tal-Belt Valletta kienu jintużaw għal skopijiet militari kif ukoll għall-ħażna tal-qamħ, iżda kienu wkoll essenzjali minn żewġ aspetti oħra kruċjali: l-ilma u d-drenaġġ. It-tnejn kienu vitali għall-Belt f’każ ta’ assedju, iżda anke fi żmien ta’ paċi. Il-ħażna tal-ilma tal-Belt intużat darba waħda biss f’każ ta’ assedju, meta fl-1798 il-Franċiżi ġew imblukkati mill-Maltin, li minnufih qatgħu l-provvista tal-ilma tal-akkwadott għall-Belt iżda ma setgħu bl-ebda mod iżommu lill-Franċiżi milli jużaw il-miljuni ta’ glalen ta’ ilma maħżunin fil-ġibjuni u fiċ-ċisterni sotterranji tal-Belt.
Ħafna snin wara, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, seħħ l-aħħar kapitlu importanti għall-Belt ta’ taħt l-art, meta l-passaġġi tagħha żdiedu u ntużaw bħala kenn mill-bumbardamenti. Eluf ta’ nies għaddew sigħat twal marsusin hemm isfel, b’faċilitajiet sanitarji primittivi, b’ikel mill-inqas u bit-tama li air raid ieħor jgħaddi b’wiċċ il-ġid u jirnexxilhom joħorġu minn hemm qawwijin u sħaħ.
L-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ Underground Valletta saret fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera u tal-ogħla uffiċjali ta’ Heritage Malta.
Il-Ministru Herrera qal li l-Belt Valletta, meqjusa bħala wirt dinji, ma tistax tiġi apprezzata bis-sħiħ jekk wieħed ma jesperjenzax ukoll dak li hemm taħtha. Grazzi għal Heritage Malta, il-pubbliku issa għandu l-opportunità li jżur il-belt kapitali fit-totalità tagħha u japprezza aspetti minnha li forsi ma kienx konxju tagħhom qabel.
Id-dħul għal Underground Valletta jinsab f’Misraħ San Ġwann. Żjarat gwidati se jibdew isiru fis-sit minn nhar il-Ħadd li ġej, 7 ta’ Novembru ‘l quddiem, b’żewġ tours nhar ta’ Erbgħa u żewġ tours nhar ta’ Ħadd, jiġifieri total ta’ erba’ żjarat fil-ġimgħa. Aktar tagħrif dwar kif wieħed jaqta’ l-biljetti u dwar il-ħinijiet tal-ftuħ jinsab fis-sit www.heritagemalta.org.
Ritratti: DOI