“Jerġa’ Jispikka N-Nuqqas Ta’ Ppjanar Serju Mill-Gvern F’Xogħlijiet Infrastrutturali Ta’ Toroq” – Il-MP Toni Bezzina
“Xahar ġdid u ġimgħa ġdida, iżda l-problemi fir-rigward ta’ xogħolijiet ta’ toroq ikomplu jikbru. Fl-aħħar siegħat ħarġu fil-beraħ żewġ każijiet ġodda ta’ nuqqas ta’ ppjanar u xogħol ta’ livell inferjuri fil-qasam infrastrutturali tat-toroq tagħna.”
Hekk kiteb il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Trasport u Infrastruttura, Toni Bezzina fi stqarrija dwar toroq li ġarbu ħsarat konsiderevoli wara l-maltemp ta’ dan l-aħħar jiem.
Huwa qal li kif fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes, fl-aħħar sigħat ċediet triq, b’periklu kbir għal kulmin jagħmel użu minn din it-triq. Bezzina saħaq li “minkejja li riċentement intefqu €5 miljun fir-riabilitazzjoni ta’ din iz-zona, wara ftit ġimgħat diġà bdew joħorġu n-nuqqasijiet fix-xogħolijiet li saru f’din iz-zona.”
Il-Kelliem tal-PN Toni Bezzina sostna wkoll kif f’Għawdex, “triq li l-Prim Ministru Robert Abela fetaħha inqas minn sena ilu, diġà bdiet tinqala’ mill-ġdid sabiex isir xi xogħol fuq is-sistema ta’ servizzi li hemm taħt it-triq.” Huwa żied jgħid li “minflok ma sar dan ix-xogħol meta inqalgħet oriġinarjament it-triq, qed isir issa, b’aktar inkonvenjent għar-residenti u spejjeż żejda għall-poplu.”
Bezzina temm jgħid li “dan kollu jixhed għan-nuqqas ta’ ppjanar tal-gvern fejn jidħlu x-xogħolijiet infrastrutturali. Jeħtieġ li llum qabel għada, l-gvern jibda jippjana dawn ix-xogħolijiet kif xieraq, xogħol ippjanat u ta’ kwalità b’inkonvenjent minimu għal kulħadd.”