Jinżamm Arrestat Wara Li Allegatament Tajjar Lis-Sieħeb Tal-Eks Tfajla Tiegħu

 Jinżamm Arrestat Wara Li Allegatament Tajjar Lis-Sieħeb Tal-Eks Tfajla Tiegħu

Clayton Galea ta’ 38 sena mill-Fgura baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li intenzjonalment tajjar u weġġa’ b’mod gravi lil sieħeb l-eks tfajla tiegħu.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Galea li huwa sid ta’ bar ġie mixli wkoll li saq b’mod perikoluż u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Janetta Grixti qalet kif il-każ seħħ tard filgħaxija nhar it-Tnejn 22 ta’ Novembru fiż-Żejtun, fejn il-vittma sofra minn ksur f’ġismu u kellu jidħol l-isptar. Dan wara li allegatament kien mtajjar minn BMW X6 misjuqa mill-akkużat.

F’isem l-imputat id-difiża qalet li Galea ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Hawn l-Avukat talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu. Dan kien oġġezzjonat bil-qawwa mill-prosekuzzjoni, li sostniet li l-eks-tfajla u s-sieħeb l-ġdid tagħha kienu għadhom ma xehdux u setgħu jiġu avviċinati mill-akkużat jekk jinħeles.

Il-Qorti talbet lill-prosekuzzjoni biex issejjaħ ix-xhieda ċivili tagħha, inkluż il-vittma fl-ewwel seduta wara li l-każ ġie assenjat lil maġistrat ieħor.

Id-difiża tal-imputat tmexxiet mill-avukat Arthur Azzopardi, li kien mgħejjun mill-Avukat Charmaine Cherrrett.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com