Jitwaqqaf L-Ewwel Kumitat Konsultattiv Ta’ Aġenzija Sapport
Aġenzija Sapport, aġenzija nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, u li taħdem fil-qasam ta’ persuni b’diżabilità, waqqfet l-ewwel Kumitat Konsultattiv tagħha. Dan il-kumitat se jkun qed jipprovdi forum għal rappreżentazzjoni tal-benefiċjarji tas-servizzi ta’ Aġenzija Sapport u tal-qraba jew kustodji legali tagħhom. Permezz ta’ dan il-kumitat, persuni b’diżabilità li jużaw servizz wieħed jew aktar ipprovduti mill-Aġenzija Sapport se jkunu qegħdin jingħataw l-opportunità jagħmlu suġġerimenti u rakkomandazzjonijiet dwar is-servizzi offruti mill-aġenzija.
It-twaqqif ta’ dan il-kumitat, li ħidmietu tibda kmieni s-sena li ġejja, saret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli, mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras, u mid-Direttur inkarigata mill-Kumitat Konsultattiv Melanie Magri.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rreferiet għat-tnedija ta’ dan il-kumitat bħala, “inizjattiva ġdida li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita djalogu u tinkoraġġixxi l-qsim ta’ esperjenzi bejn persuni b’diżabilità u professjonisti fuq affarijiet li huma esklussivament relatati mas-servizzi ta’ Aġenzija Sapport. Inizjattiva li se tkun qed toffri wkoll spazju fejn il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom dwar dak li jolqothom dirett mill-perspettiva tagħhom. Permezz tar-rakkomandazzjonijiet tal-membri ta’ dan il-kumitat, Aġenzija Sapport ser tkun tista’ twassal programmi u pjani għal persuni li jużaw is-servizzi tagħha bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-istess persuni li jibbenefikaw minnhom.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras iddeskriviet din l-inizjattiva bħala pass ieħor importanti lejn l-inklużjoni tal-persuni b’diżabilità fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jirrigwardaw lilhom. “L-Aġenzija Sapport qed turi l-impenn tagħha li tkompli ssaħħaħ ħidmietha, tisma’ lil dawk li jagħmlu użu u li jintlaħqu b’mod dirett mis-servizzi tagħha mill-perspettiva tagħhom. Fuq kollox l-aġenzija se tkun qed tilqa’ u tevalwa r-rakkomandazzjonijiet li jsirulha sabiex tkompli ssaħħaħ dejjem aktar l-operat tagħha bħala aġenzija nazzjonali”, hija stqarret.
Id-Direttur inkarigata minn dan il-Kumitat Konsultattiv Melanie Magri qalet li dan il-kumitat għandu jgħin lill-persuni b’diżabilità u anke lil dawk li jesperjenzaw id-diżabilità magħhom biex jgħidu huma kif jistgħu jitjiebu s-servizzi.
Il-Kumitat Konsultattiv se jkun iffurmat minn seba’ membri u tliet rappreżentanti ta’ Aġenzija Sapport. It-terminu se jkun ta’ sena, b’sejħa għall-applikazzjoni li ssir kull sentejn fejn jintgħażlu 14-il membru, sebgħa għal kull sena. Fuq il-Bord tal-Għażla ta’ dawn il-membri se jkun hemm ukoll rappreżentanza tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) kif ukoll mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali (SCSA).
Ritratti: DOI