“Kont Għadni Nittama Li Din L-Aħbar Ma Tasal Qatt. Ħallietna Marlene Muscat” – Il-MP Chris Said
“Kont għadni nittama li din l-aħbar ma tasal qatt. Ħallietna Marlene Muscat.”
Hekk kiteb dalgħodu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said wara l-aħbar kerha tal-mewt ta’ Marlene Muscat. Said jgħid li Marlene ħadmet għal snin twal miegħu kemm fil-Kunsill Lokali kif ukoll fis-Segretarjat tal-Ministeru.
“Dejjem sibt fiha persuna dedikata għax-xogħol tagħha, persuna li ma tieqaf qatt, leali, altruwistika u dejjem lesta biex tgħin. Persuna li tant ħadmet fil-volontarjat. Tant tat is-sehem tagħha f’għaqdiet differenti kemm f’Ta’ Sannat, raħal twelidha, fin-Nadur fejn kienet tgħix mal-familja u fil-Kanada fost il-komunità Maltija fejn kienet għal diversi snin,” tenna Chris Said.
Marlene Muscat kienet kunsilliera fil-Kunsill Lokali tas-Sannat. Għal diversi snin kienet membru fil-kumitat Banda Mnarja.
Chris Said fil-messaġġ tiegħu irringrazzja lil Marlene ta’ dak kollu li għamlet filwaqt li ta’ il-kondoljanzi lil żewġha Michael, liż-żewġ uliedha, n-neputijiet li kienu l-mimmi ta’ għajnejha, lil ommha, ħutha, qraba u ħbieb kollha.
Il-Kelliem tal-PN Peter Agius ukoll kiteb messaġġ fejn qal li Marlene kienet dejjem dedikata. “Dejjem temmen bl-involviment tat-tfal u żgħażagħ. Għenet biex sar bosk bis-siġar fuq ta’ Pinu, għenet biex Jum l-Ewropa jiġi ċelebrat Għawdex ukoll (għax l-Għawdxin xejn inqas kienet tgħid!), għenet biex id-deċiżjonijiet li jolqtu l-Għawdxin ikollhom l-interess tagħhom inkluż.”
Marlene, strieħ fis-sliem!