“Kwalunkwe Regola Biex Il-Partiti Politiċi Ewropej Jirrispettaw Il-Valuri Ewropej Għandha Tiġi Interpretata B’Attenzjoni Kbira” – Alfred Sant

 “Kwalunkwe Regola Biex Il-Partiti Politiċi Ewropej Jirrispettaw Il-Valuri Ewropej Għandha Tiġi Interpretata B’Attenzjoni Kbira” –  Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija (S&D) tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant ivvota favur rapport lill-plenarja tal-parlament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej.

Skont ir-regolamenti tal-UE, il-Parlament huwa meħtieġ jadotta rapport dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti sa tmiem l-2021. Ir-rapport kien akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi aġġornat ir-regolament.

Sant qabel ma’ rakkomandazzjonijiet fir-rapport li jobbligaw lill-partiti politiċi josservaw proċeduri demokratiċi u trasparenti fejn jidħlu l-għażla tal-mexxejja tal-partiti, kandidati għall-elezzjonijiet u l-adozzjoni ta’ regoli interni u programmi politiċi.

Proposti oħra ffukaw prinċipalment fuq it-titjib tal-monitoraġġ tad-donazzjonijiet, ir-rifjut ta’ fondi lil dawk li ma jimxux mal-valuri tal-UE u t-tnaqqis tal-ostakli amministrattivi li mhumiex essenzjali.

Madanakollu, Sant esprima kawtela dwar rakkomandazzjoni biex ir-regoli attwali jiġu kkoreġuti biex jiġi ċċarat li r-rispett għall-valuri fundamentali tal-UE għandu japplika kemm għall-partiti politiċi Ewropej kif ukoll għall-partiti membri tagħhom. “Din il-kundizzjoni trid tiġi interpretata b’attenzjoni kbira peress li tista’ tiġi applikata b’mod partiġġjan minn maġġoranzi politiċi prevalenti fuq kwistjonijiet kontroversjali bħall-migrazzjoni, id-drittijiet tal-bniedem, l-abort, is-seċessjoni minn entitajiet nazzjonali u t-twemmin u d-drawwiet reliġjużi”, huwa wissa.

Il-MPE Laburista esprima wkoll in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-kunċett inkluż ukoll fir-rapport tal-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet tagħhom f’konformità mal-kampanji pan-Ewropej ta’ kostitwenza fl-elezzjonijiet Ewropej. “Ma naqbilx mal-introduzzjoni ta’ kampanji bħal dawn u xorta waħda nemmen li din il-kwistjoni taqa’ barra mill-ambitu ta’ din ir-riżoluzzjoni”, huwa stqarr.

Ir-rapport ġie adottat b’428 vot favur, 92 kontra u 49 astensjoni.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com