“L-Abbozz Ta’ Liġi Dwar Il-Kannabis Li Ressaq Il-Gvern Ser Joħloq In-Normalizzazzjoni Tal-Abbuż Tad-Droga F’Pajjiżna” – Il-PN
F’laqgħa li saret ilbieraħ, il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ikkonkluda diskussjoni fid-dettall tal-abbozz ta’ liġi dwar l-użu tal-kannabis u dan wara konsultazzjoni wiesgħa ma’ għaqdiet, organizzazzjonijiet u individwi privati li jaħdmu fis-settur tal-ħarsien tal-persuni.
Il-Grupp Parlamentari tal-PN fakkar kif fl-2015 pajjiżna għamel pass ‘il quddiem meta b’liġi tal-Parlament u bl-appoġġ tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, ipprovda mezzi biex persuna tkun tista’ tagħmel użu personali mill-kannabis mingħajr ma tiġi meqjusa bħala kriminal u ma tispiċċax il-ħabs.
Fi stqarrija l-Grupp Parlamentari tal-PN tenna li jqis l-abbozz kif propost mill-Gvern bħala wieħed li ser joħloq in-normalizzazzjoni u ż-żieda tal-abbuż tad-droga f’pajjiżna. Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista mhuwiex favur li f’pajjiżna jkollna kultura prevalenti ta’ abbuż mid-droga.
L-abbozz kif propost mill-Gvern ma jagħti l-ebda protezzjoni u għajnuna lill-persuni vulnerabbli li jaqgħu għall-vizzju tad-droga u ma jagħti l-ebda għodda legali ġodda u aktar effettivi biex jiġi miġġieled it-traffikar tad-droga.
Il-Grupp Parlamentari tal-PN saħaq li l-Parlament għandu jpoġġi l-ewwel u qabel kollox l-interess ta’ dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna b’mod partikolari t-tfal. Bl-abbozz ta’ liġi li ressaq, il-Gvern Laburista qed jagħti dahru lit-tfal u l-interessi u l-ħtiġijiet tagħhom.
Il-PM temm jgħid li huwa jemmen li l-Parlament għandu jilleġiżla biss biex tissaħħaħ is-soċjetà Maltija u m’għandu qatt jintuża minn partit politiku biex lejliet elezzjoni ġenerali joħloq diversiv minn fuq issues li huma tassew urġenti għal pajjiżna.