L-Arċisqof Ifakkar Lill-Istudenti Li L-Università Għandha Sservi Wkoll Biex Nikbru Fil-Qalb
Ilbieraħ saret Quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Għal din il-quddiesa attendew il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella, ir-Rettur tal-Università Prof. Alfred Vella, letturi u gradwati minn diversi fakultajiet.
Fl-omelija l-Arċisqof qal lill-gradwati l-ġodda sabiex bil-ħidma tagħhom fis-soċjetà dawk in-nies li jiltaqgħu magħhom iħossuhom apprezzati, mogħtija mill-ġdid id-dinjità, ikunu integrati fis-soċjetà, u anke maħbuba. “Jalla intom u tikbru fir-rwol tagħkom fis-soċjetà jkollkom il-ġenerożità li tagħtu ħajjitkom għall-ġid tal-proxxmu, għall-ġid komuni.”
Mons. Arċisqof qal ukoll li s-snin li l-istudenti jqattgħu fl-Università għandhom iservuhom biex mhux biss jikbru fl-għerf iżda wkoll jikbru fil-qalb u jitgħallmu xi tfisser il-kelma ‘gratitudni’.