“L-Assigurazzjoni Kontra R-Riskji Ta’ Interruzzjoni Pandemika Għandha Tiġi Ttrattata Fi Ħdan Qafas Tal-UE” – Alfred Sant
L-Ewro Parlamentari Laburista Alfred Sant qal f’laqgħa tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Immaniġġjar tar-Riskju (FERMA) li l-pandemija tal-COVID-19 uriet li kien hemm nuqqasijiet kbar f’termini ta’ protezzjoni u assigurazzjoni kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew, dan quddiem l-interruzzjoni tan-negozju hekk kif il-pandemija bdiet iżżid fl-intensità tagħha. Żid jgħid li kważi nuqqas ta’ tħejjija totali kienet l-ordni tal-ġurnata f’dan ir-rigward.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Laburista fil-Grupp Soċjalista u Demokratiku fil-Parlament Ewropew kien mistieden bħala wieħed mill-kelliema fil-laqgħa li ġiet organizzata dwar it-tema ‘Mir-Riskju għar-Reżiljenza’. FERMA tirrappreżenta l-professjoni tal-ġestjoni tar-riskju fl-Ewropa u tinkludi 22 federazzjoni nazzjonali f’21 pajjiż u kważi 5000 maniġer tar-riskju Ewropew involuti f’setturi kummerċjali differenti.
Sant enfasizza li r-riskji ta’ interruzzjoni tan-negozju u tal-assigurazzjoni fuq l-iskala ta’ dak li ġara matul il-qofol tal-pandemija tal-COVID jistgħu realistikament jiġu ttrattati biss mill-UE b’mod kollettiv u mhux fuq bażi individwali minn kull Stat Membru. Huwa ppropona li soluzzjoni għandha tinkludi “garanzija ta’ kontinġenza tal-assigurazzjoni madwar l-Ewropa” li biha l-Istati Membri tal-UE li jaġixxu flimkien jipprovdu garanzija finali effettiva għall-assigurazzjoni li tkopri b’mod komprensiv ir-riskji u l-konsegwenzi mqajma mill-pandemija. Sant issuġġerixxa li għall-bidu, għandhom jiġu identifikati approċċi ta’ reżiljenza kondiviża, inkluż aċċess aħjar għad-data madwar l-UE kollha, mekkaniżmi ta’ trasferiment tar-riskju tal-assigurazzjoni madwar l-UE kollha fuq livell privat, pubbliku nazzjonali u tal-UE u sħubija bejn is-settur pubbliku u privat inċentivat minn raggrupament tar-riżorsi tal-UE.
L-eks Prim Ministru Sant staqsa jekk hemmx biżżejjed rieda politika biex il-fondi jiġu diretti lejn dan l-għan. Huwa ddikjara li l-involviment tal-UE jista’ jkun ta’ benefiċċju – “biex jiġi pprovdut qafas, u biex jiġu inċentivati l-assiguraturi u l-gvernijiet nazzjonali biex jikkonsolidaw il-prevenzjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ qsim tar-riskju f’politika madwar l-Ewropa kollha.” Huwa ssuġġerixxa li l-Parlament Ewropew jista’ jservi ta’ “trampolin” biex jiżdied l-interess f’din il-kwistjoni. Żid jgħid li l-MPEs għandhom isiru aktar konxji tas-sitwazzjoni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw aktar pressjoni fuq il-Kummissjoni Ewropea.