L-Avukati Fil-Qorti T’Għawdex Mill-Lum Ħa Jkunu Qed Jerġgħu Jirritornaw Għas-Seduti
Għal dawn l-aħħar ġimghat l-avukati kollha prattikanti quddiem il-Qorti f’Għawdex ħadu azzjoni kollettiva u naqsu milli jattendu għas-seduti.
Fi stqarrija dalgħodu maħruġa mill-Kamra tal-Avukati Għawdex ntqal li waqt laqgħa mal-Ministru għall-Ġustizzja Dr. Edward Zammit Lewis fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Qrati, Eunice Grech Fiorini, ġie mwiegħed li ser jinġabu tal-anqas żewġ ħaddiema u purtier biex tiżdied l-effiċjenza fil-Qorti t’Għawdex.
Huma qalu li sal-bieraħ, it-Tlieta, 2 ta’ Novembru, dawn il-ħaddiema kienu qeghdin jirrapportaw fil-Qorti t’Għawdex. Il-Kamra tal-Avukati Għawdex saħqu li filwaqt li għad fadal ħafna xi jsir, huma qed jirrikonoxxu li dan huwa progress raġonevoli għan-nuqqasijiet li hemm fil-Qorti t’Għawdex.
Huma sostnew li l-Qorti t’Għawdex, għadha sa llum il-ġurnata nieqes minn Marixxall u għalhekk ser tibqa’ ssir insistenza li l-istess Qorti t’Għawdex għandu jkollha l-istess dinjita’ u mezzi tal-Qorti ta’ Malta, fl-aħħar mill-aħħar hekk kif inhu skond il-Liġi.
Il-Kamra tal-Avukati Għawdex ġibdet l-attenzjoni wkoll li fix-xhur illi ġejjin ser tirtira uffiċċjal ieħor mill-istaff tal-Qorti li bħalissa qed tagħmel ix-xogħol ta’ purtier / messaġġier u għalhekk għandhom isiru l-arranġamenti minn qabel biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata minn qabel.
Huma temmew jgħidu li fid-dawl ta’ dan kollu ġie għalhekk deċiż illi b’effett mil-lum l-Erbgħa, 3 ta’ Novembru, 2021 l-Avukati jerġgħu jibdew jattendu għas-seduti tal-Qorti.