“L-Ebda Ambizzjoni Dwar Il-Klima Ma Hi Żejda” – Cyrus Engerer Fl-Għeluq Tal-COP26 Fi Glasgow
“L-Unjoni Ewropea qiegħdha quddiem nett fl-ambizzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iżda l-qbil li kien hemm fl-aħħar tal-COP26 juri li għad baqa’ ħafna x’nagħmlu biex nikkonvinċu l-kumplament tad-dinja żvillupata dwar ir-responsabilita’ li kull wieħed u waħda minna għandna quddiem din il-kriżi ekoloġika li d-dinja qiegħdha taffaċċja,” saħaq Cyrus Engerer fit-tmiem tal-konferenza globali COP26 fi Glasgow, l-Iskozja.
Engerer ġie magħżul bħala parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fejn f’isem il-grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi kien akkumpanjat mill-Viċi President tal-Grupp Mohammed Chahim u l-koordinatur tal-grupp dwar l-ambjent Jytte Guteland.
Engerer qal li l-effetti tat-tibdil fil-klima diġa qegħdin jinħassu madwar id-dinja, speċjalment fil-mediterran li hu l-iktar reġjun fid-dinja li qiegħed jara rata mgħaġla ta’ bidla fejn it-temperatura diġa żdiedet b’1.1 grad celsius u fejn r-rata ta’ bidla hi 20% iktar mgħaġġla mill-kumplament tad-dinja.
“Is-sena d-dieħla l-COP se jkun qiegħed jiltaqgħa fl-Eġittu u bħala pajjiżi mediterranji rridu naħtfu l-opportunita’ biex niffukkaw fuq ir-realtajiet ta’ madwarna,” qal Engerer filwaqt li saħaq li l-qbil tal-COP26 dwar l-impenn għal sistema ta’ finanzjament għall-addattazzjoni u mhux biss mitigazzjoni kien pożittiv. “Il-ħsara u t-telf li numru ta’ pajjiżi qegħdin jesperjenzaw minħabba t-tibdil fil-klima hi reali u tanġibbli. Wasal iż-żmien li d-dinja żvillupata li storikament għandha ħafna mill-ħtija għas-sitwazzjoni preżenti terfa’ r-responsabilita’ b’mod konkrett f’azzjoni biex il-pajjiżi l-iktar milquta jaddattaw għar-realtajiet il-ġodda,” qal Engerer.
Engerer ikkonkluda billi qal li bħala Unjoni Ewropea rridu nibqgħu fuq quddiem nett fl-ambizzjoni u l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. “Għandna l-Green Deal, aħna l-uniċi pajjiżi b’liġi dwar il-klima u issa qegħdin inlestu t-triq għall-2030 pernezz tal-Fit for 55 package. Onorat li ingħatajt l-opportunità nagħmel il-parti tiegħi għall-klima bħala r-rapporteur għal-liġi dwar l-Market Stability Reserve tal-ETS,” ikkonkluda Engerer.