L-MBR Waqqfet 280 Kumpanija Milli Joperaw Sakemm Jkunu Konformi Mal-Att Dwar Il-Kumpaniji
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri tenna l-impenn tal-Gvern Malti li jkompli jimplimenta l-bidliet kollha meħtieġa fl-aħjar interess tal-ġurisdizzjoni Maltija. Dan waqt seminar bit-tema ‘Meeting Compliance Requirements’, organizzat mill-Malta Business Registry u mill-Malta Chamber of Commerce bħala parti mill-Malta SME Week, bil-parteċipazzjoni ta’ aktar minn 200 negozju.
“Il-Malta Business Registry hu gwida importanti u kontinwa għall-istakeholders. Hu fatt li hemm ċirkostanzi fejn id-diretturi ma jafux x’qed jagħmlu l-practitioners fir-rigward tal-preparazzjoni tax-xogħol li din l-entità qed titlob jew viċe versa. L-avveniment tal-lum huwa opportunità għall-forums ta’ diskussjoni għaż-żewġ partijiet biex jifhmu aħjar il-bidliet u x’inhu meħtieġ minnhom. Hu kruċjali li kulħadd ikun aċċertat li ngħatat informazzjoni korretta u f’waqtha, li l-obbligi taż-żewġ naħat jinftiehmu aħjar u li t-trasparenza tkompli tissaħħaħ”, qal il-Ministru Schembri.
Il-Ministru Schembri rrimarka li l-ħidma u l-bidliet li saru huma bażi soda biex inkomplu nibnu u nsaħħu dak li diġà hemm. L-MBR ħadmet bis-sħiħ biex timplimenta l-miżuri kollha rakkomandati li kienu meħtieġa għall-proċessi tal-FATF, b’mod partikolari dawk relatati mal-konformità, peress li kien meħtieġ li jinbidlu l-proċeduri ta’ verifika kemm għall-istabbiliment tal-kumpaniji kif ukoll għal dawk eżistenti.
Matul din is-sena, il-Malta Business Registry ħadmet biex twettaq risk assessment ta’ kull kumpanija fuq ir-reġistru. F’dan l-isfond, saret analiżi ta’ madwar 48,000 kumpanija biex eventwalment issir distinzjoni bejn kumpaniji ta’ riskju għoli u ta’ riskju baxx. Din l-analiżi qed tiġi annessa mal-proċess tal-għażla tal-kumpaniji li għandhom jiġu spezzjonati. Minbarra l-ispezzjonijiet, il-Compliance Unit fi ħdan l-MBR waqqaf 280 kumpaniji kollha milli jiġu reġistrati sakemm id-dokumenti meħtieġa ta’ kumpaniji fejn l-istess diretturi jkunu preżenti jikkonformaw mal-Att dwar il-Kumpaniji.
“Il-Malta Business Registry għalhekk tisħaq kontinwament dwar l-importanza ta’ reġistru ġust u trasparenti, proġett kruċjali għal żewġ raġunijiet – biex tkompli tiffaċilita l-interazzjoni mal-klijent u ma’ klijenti futuri kif ukoll biex tiżdied l-effiċjenza tas-servizzi offruti mill-Malta Business Registry għall-pubbliku”, qal il-Ministru Schembri.
Il-Kap Eżekuttiv u r-Reġistratur Dr Geraldine Spiteri Lucas qalet li l-missjoni tal-Malta Business Registry hi li tipprovdi lin-negozji s-serħan tal-moħħ meta jagħmlu negozju. “Il-portal tagħna huwa l-għodda tiegħek u l-opinjoni tiegħek hija importanti għalhekk jista’ jiġi introdott metodu sempliċi fejn wieħed ikun jista’ jinnotifikana f’każ ta’ informazzjoni skorretta u b’hekk tittieħed azzjoni. Barra minn hekk, ġew ippreżentati u ppubblikati emendi wara ilmenti mressqa minn diretturi li ilmentaw li ma kinux jafu dwar il-ħatriet tagħhom bħala diretturi. B’rabta ma’ dan, għal kull ħatra wieħed irid jissottometti ittra ta’ kunsens lir-reġistratur li jaċċetta l-ħatra tagħhom. Ħarisna wkoll biex insolvu ilment ieħor b’rabta mal-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni personali fuq il-portal tagħna li għaliha se ssir emenda fix-xhur li ġejjin biex sa dak iż-żmien nispjegaw lin-negozji u lill-corporate service providers kollha dwar x’għandhom jagħmlu”, spjegat Dr Spiteri Lucas.
Il-President għall-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li, “Il-konformità u l-governanza tajba hija prijorità ħafna, mhux biss bħala obbligu legali iżda aktar bħala obbligu ta’ mġiba minn responsabbiltà etika”.
Ritratti: DOI