L-Oppożizzjoni B’Mozzjoni Sabiex Ikun Diskuss B’Urġenza L-Aġir Tal-Ispeaker Anġlu Farrugia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq mozzjoni skont l-ordni permanenti 13 biex il-Kamra tad-Deputati tiddiskuti b’urġenza l-aġir tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Bernard Grech qal li dan qed iseħħ wara li l-ispeaker, permezz ta’ ittra mibgħuta f’ismu mill-avukat tal-fiduċja tiegħu lil Matthew Caruana Galizia, stqarr li huwa qiegħed fil-kariga kostituzzjonali tiegħu biex jiddefendi l-interessi tal-Gvern. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li b’hekk l-Ispeaker Anġlu Farrugia qed imur kontra l-ġurament ta’ lealtà li ħa fil-bidu tal-leġislatura li fih ħalef li jkun fidili u leali lejn il-poplu u r-repubblika ta’ Malta u l-Kostituzzjoni.
Dr Grech apparti dan semma wkoll li deċiżjonijiet li ħa l-Ispeaker Anġlu Farrugia dwar każijiet investigati mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li permezz tagħhom xekkel il-ħidma tal-istess kummissarju.
B’reazzjoni għal din il-mozzjoni l-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield argumenta li l-mozzjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti għax kieku għall-oppożizzjoni din kienet materja urġenti ma kienetx tistenna sal-lum biex tressaq il-mozzjoni b’urġenza imma kienet tressaqha fis-seduta tat-Tlieta filgħaxija jew l-Erbgħa jiġifieri fl-ewwel opportunità li kellha.
Id-Deputat Speaker Buttigieg issospendiet is-seduta biex tiddeċiedi.
Ritratt: Times of Malta