L-Uffiċċju Tal-Kummissarju Għat-Tfal Jgħid Li L-UPE Mhux Tħares Lejn L-Aħjar Interessi Tat-Tfal
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal esprima d-dispjaċir tiegħu li l-appell li għamel dan l-aħħar biex il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-unjins tal-għalliema jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tat-tfal għall-edukazzjoni u għal prioritizzazzjoni tal-aħjar interessi tagħhom ġie injorat.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li dan joħroġ ċar fl-aħħar żviluppi fejn l-Union of Professional Educators (UPE) issa qed toġġezzjona għaċ-ċaqliq ta’ studenti-għalliema fi skejjel fejn hemm nuqqas ta’ għalliema u donnha qed tirrifjuta kull tentattiv li tinstab soluzzjoni raġonevoli u fattibbli.
L-Uffiċċju tenna li f’sitwazzjoni ta’ emerġenza bħal dik li t-tfal u s-settur tal-edukazzjoni ilu jiffaċċja għal kważi dawn l-aħħar sentejn, l-istakeholders kollha b’mod speċjali l-unjins tal-għalliema għandhom ikunu responsabbli billi jaħdmu flimkien u mhux jikkonfrontaw lil xulxin, sabiex jinstabu l-aqwa soluzzjonijiet li jiggarantixxu lit-tfal id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni.
“It-tfal m’għandhomx jinqabdu fil-ġlied ta’ bejniethom. Il-pandemija, li diġà għamlet ħafna ħsara lill-edukazzjoni tat-tfal, għandha tkun żmien ta’ waqfien mill-litikar industrajli,” saħqet il-Kummissarju.
L-Uffiċċju temm jgħid sabiex id-drittijiet tat-tfal jingħataw saħħa legali u rappreżentazzjoni fil-qorti, li mingħajrhom faċilment jisfaw maħkuma, kif qed naraw, minn retorika vojta u interessi settorjali dojoq.