“Lid-Dilettanti Tal-Karnival Wegħduhom Ċentru Modern Fil-Marsa – 9 Snin Wara Għadu Żdingat” – Il-PN
Gvern ġdid Nazzjonalista ser jara li d-dilettanti tal-Karnival ikollhom post adattat li jippermetti lill-artisti fis-settur ikomplu jkabbru t-talenti tagħhom. Dan huwa essenzjali mhux biss b’apprezzament tal-arti u s-snajja involuti fit-tradizzjoni tal-Karnival Malti iżda jgħin ukoll biex jissaħħaħ il-prodott turistiku Malti.
Dan intqal mill-Kelliem Ewlieni tal-PN Peter Agius u l-Kandidat tal-PN fuq l-1 Distrett James Aaron Ellul f’messaġġ li għaddew biswit dak li kellu jkun il-villaġġ tal-Karnival fil-Marsa.
Filfatt, minkejja l-artworks kollha li intwerew b’tant pompa f’xejn anqas minn 3 konferenzi stampa minn Ministri Laburisti, l-art suppost dedikata għal dan il-proġett għada fi stat ta’ abbandun totali. Dan wara li l-Partit Laburista ilu 9 snin itenni l-wegħda li f’dan il-post ser jiftaħ ċentru tal-Karnival.
Peter Agius tenna li s-settur tal-kultura ħaqqu aħjar minn wegħdi miksura li jibqgħu jiġu ripetuti bla mistħija u bla ebda riżultat wara 9 snin ta’ Gvern Laburista. Il-PN jemmen bi sħiħ fit-talent Malti u meta jkun fil-Gvern se jibni dan iċ-ċentru li jilqa’ fi ħdanu t-talent Malti.
Min-naħa tiegħu James Aaron Ellul aċċenna li l-politika tal-PN se tibqa’ tissawwar flimkien mal-artisti. Huwa tenna li fil-ġimgħat li ġejjin il-PN se jkun qed iniedi għadd ta’ proposti u ideat biex dan is-settur jissaħħaħ. Dawn huma proposti li qed jiġu preparati wara konsultazzjoni ma’ dawk konċernati fil-qasam tal-kultura Maltija.
James Aaron Ellul spjega kif il-villaġġ tal-karnival ġie mwiegħed fil-programm elettorali tal-2013 bil-wegħda terġa titqajjem perijodikament inkluż fl-2018 fejn ġie mwiegħed li l-ewwel fażi tal-villaġġ kellha tkun lesta fl-2020. Dan ma sarx.
Minflok ħataf l-okkazzjoni li jagħmel ċentru ta’ kultura u talent fil-Marsa, li hija l-lokalità kulturali għas-sena 2022, il-Gvern għażel li jitfa’ dan il-proġett fuq l-ixkaffa u jibqa jkaxkar saqajh biex iwettaq ir-riġenerazzjoni tant mistħoqqha fil-Marsa u fil-lokalitajiet madwar il-Port il-Kbir.
Il-kelliema għalqu billi qalu li l-investiment fil-kultura huwa investiment ‘win win’ li jippromwovi l-ħiliet u t-talent filwaqt li jikkontribwixxi għall-ekonomija Maltija. Dan jgħodd għall-oqsma kulturali kollha, minn dawk tradizzjonali bħall-karnival u l-festi Maltin għal ġeneri u setturi oħra bħal ma hija ċ-ċinematografija, kif ukoll il-forom ta’ arti espressiva u tal-ispettaklu fost oħrajn.
Ritratt: Karnival ta’ Malta 2012/ YouTube