Lukanda Ewlenija Fil-Mellieħa Bi Proġett Ta’ Espansjoni Ta’ €6.5 Miljun
Fl-aħħar xhur, il-lukanda Maritim fil-Mellieħa investiet €6.5 miljun fi proġett li jinkludi l-bini ta’ disgħa u ħamsin kamra ġdida addizzjonali mal-lukanda eżistenti kif ukoll ir-rinnovazzjoni tal-bini anness mal-istess lukanda bi tliet kmamar oħra ġodda oħra li huma kollha inkorporati fi ħdan il-Maritim Antonine Hotel & Spa.
Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, fil-preżenza tad-Direttur tal-lukanda Maritim, Adrian Buttigieg.
Il-ministru rrimarka li dan l-investiment ser jgħin biex jinkisbu standards ta’ kwalità għolja għat-turisti li jagħżlu lill-gżejjer Maltin bħala d-destinazzjoni għall-btala tagħhom.
“L-għaqal tal-gvern għall-mod kif sab il-bilanċ bejn is-saħħa u l-għajxien tan-nies huwa riflessjoni ta’ fiduċja u ta’ reżiljenza li qed juri s-settur privat. Għalhekk, huwa ta’ sodisfazzjon ninnota kif is-settur tal-ospitalità mhux biss qed jirkupra iżda qed narawh jagħmel il-qabża li jmiss u jinvesti iżjed fi prodott li jkun iżjed effiċjenti u ta’ kwalità,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.
Ikkonkluda li dan l-investiment jikkumplimenta l-ħidma tal-gvern biex il-profil tal-Mellieħa fis-settur turistiku jkompli tiela’ ‘l fuq.
Intant, is-Sur Buttigieg irrimarka li l-għajnuna kontinwa li ta l-gvern fl-aħħar xhur kienet ta’ importanza kbira biex il-lukanda Maritim tibqa’ għaddejja bil-ħidma tagħha u tissaħħaħ għaż-żmien li ġej.
Ritratti: DOI