Malta Tkompli Tappoġġja T-Tmexxija Tal-UE Fil-Kummerċ Internazzjonali Fost Il-164 Pajjiż Membru Tal-WTO

 Malta Tkompli Tappoġġja T-Tmexxija Tal-UE Fil-Kummerċ Internazzjonali Fost Il-164 Pajjiż Membru Tal-WTO

Waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kummerċ fi Brussell, il-Ministru Schembri appella biex l-Unjoni Ewropea (UE) tissalvagwardja r-reputazzjoni tagħha bħala sieħba kredibbli fil-kummerċ internazzjonali. Huwa qal li Malta tappoġġja t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali fost il-164 pajjiż membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u r-rabtiet kummerċjali mtejba bejn l-UE u l-Istati Uniti.

Waqt diskussjoni dwar ftehim ta’ kummerċ, Malta kienet fost il-pajjiżi li sejħu biex jiġu ffinalizzati n-negozjati avvanzati ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles li għaddejjin ma’ pajjiżi bħal New Zealand u ċ-Ċili. “L-ekonomiji tagħna huma dipendenti fuq is-swieq internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi, u l-investiment huwa importanti ħafna kemm għat-tkabbir u għall-impjiegi”, qal Silvio Schembri. Huwa laqa’ t-titjib fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Istati Uniti.

Il-ministri tal-UE trattaw ukoll il-kwistjoni tal-kummerċ elettroniku. Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri esprima l-appoġġ ta’ Malta għal inizjattivi ta’ dikjarazzjonijiet konġunti magħmula minn diversi membri tad-WTO u proposti relatati li jsejħu għall-faċilitazzjoni ta’ sistemi li jirrigwardaw investimenti f’pagamenti elettroniċi, kuntratti elettroniċi, firem elettroniċi, awtentikazzjoni elettronika, fluss tad-data, proprjetà intellettwali u fiduċja fin-negozju.

Ġie diskuss ukoll is-suġġett tas-sussidji tas-sajd. Il-Ministru Schembri appella biex isir progress fuq ftehim immirat biex jinstab bilanċ sostenibbli bejn il-produzzjoni tas-sajd u l-konservazzjoni tar-riserva tal-ħut, filwaqt li jiġu rrispettati s-sensittivitajiet tal-UE.

Id-diskussjoni indirizzat ukoll interessi komuni fid-dawl tat-12-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li se ssir fl-aħħar ta’ Novembru f’Ġinevra. Qed jiġi propost programm ta’ ħidma li jkopri r-riforma tal-operazzjonijiet ħolistiċi tal-organizzazzjoni.

Il-funzjoni tad-WTO hija li tirregola u tiffaċilita l-kummerċ internazzjonali bejn in-nazzjonijiet. Il-gvernijiet jużaw l-organizzazzjoni biex jistabbilixxu, jirrevedu, u jinfurzaw ir-regoli li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali.

Silvio Schembri nnota li Malta qed tkompli tqis is-sistema ta’ kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli tal-WTO bħala essenzjali biex tissalvagwardja kontra tendenzi protezzjonisti, peress li politika protezzjonista tpoġġi restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-kummerċ internazzjonali għall-benefiċċju ta’ ekonomija domestika waħdiena. Huwa temm jgħid li Malta bħala ekonomija żgħira u miftuħa trid tiżgura l-promozzjoni tar-regoli kummerċjali multilaterali. Għalhekk, se tkompli tistinka biex tistabbilixxi kundizzjonijiet ugwali bejn il-membri internazzjonali kollha tad-WTO.

Waqt id-diskussjoni fil-Kunsill, il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Valdis Dombrovskis laqa’ l-isforzi ta’ Malta fil-promozzjoni tal-irwol tal-UE fir-relazzjonijiet kummerċjali plurilaterali.​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com