Mara Ta’ 30 Sena Titlef Ħajjitha Wara Li Ttajret Minn Karozza Fix-Xemxija

 Mara Ta’ 30 Sena Titlef Ħajjitha Wara Li Ttajret Minn Karozza Fix-Xemxija

Tuneżina ta’ 30 sena titlef ħajjitha wara li ttajret minn karozza.

L-aċċident fatali seħħ ilbieraħ, għal ħabta tat-8:00pm, f’Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar.

Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li Tuneżina ta’ 30 sena intlaqtet minn Mercedes Benz C350 misjuqa minn raġel ta’ 42 sena residenti l-Mellieħa. Il-Mercedes imbgħad ħabtet f’erba’ vetturi li kienu pparkjati.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu iżda sfortunatament il-mara kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.

Raġel Tuneżin li kien mal-vittma kif ukoll ix-xufier tal-Mercedes ittieħdu permezz t’ambulanza l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw l-kura meħtieġa. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistu.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com