Mark Camilleri Jippubblika Messaġġi Bejn Yorgen Fenech U Keith Schembri Ġurnata Qabel Kien Arrestat

 Mark Camilleri Jippubblika Messaġġi Bejn Yorgen Fenech U Keith Schembri Ġurnata Qabel Kien Arrestat

L-awtur tal-ktieb ‘A Rent Seeker’s Paradise’ u eks delegat tal-Partit Laburista Mark Camilleri għadu kemm ippubblika messaġġi bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri li kienu bagħtu lil xulxin fuq WhatsApp fid-19 ta’ Novembru 2019, ġurnata qabel Fenech kien arrestat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’dawn il-messaġġi li bdew fid-9:38am, Yorgen Fenech jgħid lil Keith Schembri “tħallunix waħdi”, filwaqt li jitolbu biex ituh is-support. Schembri jiktiblu lura u qalu “trid tkun aggressiv u iġġieled”, filwaqt li bagħtlu ukoll artiklu li kienu ħarġu ‘Malta Today’ dwar il-maħfra ta’ Melvin Theuma.

Fenech reġa’ staqsa lil Schembri jekk hux aħjar li jitlaq, Schembri wieġeb, “jew waħda jew l-oħra.”

“L-oħra x’ser ngħid?” staqsa Fenech lil Keith Schembri, fejn kompla jgħidlu li aħjar ikollu ftit żmien oħra biex jieħu parir. Fenech kompla jgħid lil Schembri jekk kienux ħa jiġu llum jarrestawh, Schembri wieġeb, “Leeeeeee.”

Keith Schembri staqsa lura lil Yorgen Fenech jekk kienx għadu tal-fehma li jqabbad lil Giannella. Naturalment hawn qed jitkellmu dwar minn kien ħa jkun qed jideffendi lil Fenech. B’Fenech jwieġeb lura u jgħid “mhux hi best option.” Huwa kien qed jirreferi għall-avukat Giannella De Marco.

Schembri qabel miegħu u qalu li hekk jaħseb huwa ukoll, filwaqt li staqsa lil Fenech jekk taċċettax. Huwa wieġeb “Ma nafx. Nipprova nkellima.” Hawnhekk Schembri issuġġerixxa ukoll li jkellmu lill-avukat Tonna Lowell. “Giannella + Tonna Lowell” qallu Keith Schembri.

Fl-10:10am Yorgen Fenech reġa’ kiteb lil Keith Schembri fejn qalu, “Jekk le, għal Franco Debono jkolli naqa’ grrrrrrr…Ħa nipprova.”

Schembri fis-12:40pm staqsih jekk kienx kellem lil Giannella, “Kif ħaditek? Call?”, b’Yorgen iwieġeb lura li ma kienx għadu kellimha, “Għadni le ħabib.”

Fil-4:56pm Yorgen Fenech jibgħat lil Keith u jgħidlu, “Sematni A to Z”, jgħidlu wkoll “Jekk ikolli draft terms ta’ proklama induruha dawra forsi neħilsu hekk ħabib.” Hawn aktarx qed jirreferi għal proklama li ngħata Melvin Theuma.

“Isma din. 2 tat-Times fil-marina. Għajnejhom fuq id-dgħajsa. Imma għandi bżonn noħroġ”, dan kien l-aħħar messaġġ li bagħat Yorgen Fenech lil Keith Schembri f’din il-konversazzjoni, fit-7:58pm.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com