MGC Pharma Għażlet Lil Malta Biex Tipproduċi Mediċina Relatata Mat-Trattament Tal-COVID-19

 MGC Pharma Għażlet Lil Malta Biex Tipproduċi Mediċina Relatata Mat-Trattament Tal-COVID-19

B’investiment ta’ madwar €4 miljun, il-kumpanija Ewropea MGC Pharma għażlet lil Malta biex tibda tipproduċi mediċina użata biex titratta l-infjammazzjoni kkawżata mill-COVID-19 u mard respiratorju ieħor.

Permezz ta’ investiment f’sit industrijali ta’ 800 metru kwadru f’Ħal Far, MGC Pharma se tipproduċi sa 24,000 unit ta’ mediċina kuljum, id-doppju ta’ dak li kien stmat inizjalment.

L-investiment kien possibbli bl-għajnuna tal-Malta Enterprise, grazzi għall-Investment Aid. Il-kumpanija għamlet xogħol ta’ riċerka u żvilupp fis-Slovenja, il-clinical trials saru fl-Iżrael biex imbagħad MGC Pharma għażlet lil Malta biex tinvesti f’faċilità biex tkun tista’ tipproduċi dan il-prodott mediċinali ġdid.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-faċilità, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ddeskriviet dan l-investiment bħala wieħed li jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala pajjiż li jattira investiment ta’ kwalità, bi proġetti li jrendu.

“Għandna kumpanija internazzjonali oħra li qed tagħżel lil Malta biex tinvesti. Grazzi għall-Malta Enterprise qed inkomplu ninċentivaw kumpaniji lokali u barranin biex jiftħu l-operat u jkabbru l-operat tagħhom f’pajjiżna, filwaqt li joħolqu impjiegi ta’ kwalità.”

Issa li tlesta x-xogħol infrastrutturali u ġie installat il-makkinarju meħtieġ, MGC Pharma se taħdem mal-Awtorità tal-Mediċini Maltija biex tista’ tikseb ċertifikazzjoni biex tibda l-produzzjoni tal-mediċina.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista saħaq li f’Malta qed ikun hawn tkabbir bla preċedent fis-settur farmaċewtiku, fosthom qed naraw żieda fl-għadd ta’ prodotti mediċinali. Bla dubju din is-sena l-vaċċini tal-COVID-19 iddominaw ix-xjenza innovattiva.

Deo Debattista temm jgħid, “Nistenna bil-ħerqa din il-kollaborazzjoni prospettiva tal-MGC Pharma u tal-awtorità regolatorja tagħna, biex imexxu żviluppi għall-manifattura ta’ CimetrA. Huwa privileġġ li naqsmu l-impetu, it-tfittxija u l-viżjoni tagħna ma’ industrija li qed taħseb ’il quddiem, biex b’hekk flimkien mal-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta nassiguraw li l-prodotti li jitpoġġew fis-suq ikunu tal-aqwa kwalità u sigurtà għall-pazjenti tagħna”.

Fl-aħħar snin MGC Pharma kkollaborat ma’ entitajiet governattivi u universitajiet internazzjonali biex isiru proġetti ta’ riċerka u b’hekk jiżviluppaw prodotti ta’ kwalità mediċinali għolja. Fost il-prodotti  mediċinali li mmanifatturat MGC Pharma hemm dawk għall-pazjenti li jbatu mill-epilessija, mid-dimensja u mill-marda tal-Alzhemier.

F’investiment separat, il-kumpanija qed tara li tibda proġett ta’ espansjoni għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u ċ-Chairperson tal-Awtorità Maltija għall-Mediċini l-Professur Anthony Serracino Inglott kienu preżenti għall-inawgurazzjoni.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com