“Minkejja L-Propaganda Tal-Gvern Li Qiegħed Itejjeb Is-Sitwazzjoni Fit-Toroq Maltin…Ir-Realtà Hija Differenti” – Toni Bezzina
“Minkejja l-propaganda kontinwa tal-gvern li qiegħed itejjeb is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin, ir-realtajiet li għexu n-nies fl-aħħar ġimgħat u jiem u r-ritratti li dehru fuq il-mezzi soċjali huma direttament bil-kontra għal din in-narattiva tal-gvern.”
Hekk tenna l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għat-Trasport Toni Bezzina fejn qal li r-realtà hija li l-gvern falla milli jindirizza l-isfidi li qed jesperjenza l-poplu Malti, ewlenija fosthom il-problema tal-għargħar – fejn ma’ kull ħalba xita t-toroq tagħna jegħrqu.
Fi stqarrija Bezzina saħaq li l-Partit Nazzjonalista ilu għal żmien twil jinsisti mal-gvern dwar il-bżonn li jassigura li kull proġett infrastrutturali jinkorpora fih sistemi ta’ water culverts, sabiex jiġi mmitigat l-għargħar filwaqt li tiġi evitata l-ħela tar-riżorsa prezzjuża tal-ilma. Dan filwaqt li sistemi ta’ water culverts eżistenti jkunu mantnuti b’mod regolari. Madankollu, dan l-appell waqa’ fuq widnejn torox għaliex kif jixhdu r-ritratti li daru fuq il-mezzi soċjali fl-aħħar siegħat, numru kbir ta’ toroq, anke dawk li saru riċentament bħall-Marsa Junction, sfaw mgħerrqa.
Id-Deputat Toni Bezzina tenna li f’interpellanza parlamentari, il-Ministru Ian Borg kien qal: “Is-sistemi li jikkontrollaw l-ilma tax-xita jitqiesu bħala element integrali u ndispensabli fid-disinn tat-toroq u l-proġetti proposti.” “Madankollu, il-poplu issa jista’ jifhem li dan kien biss kliem fieragħ, għaliex ir-realtà hija mod ieħor,” temm jgħid Bezzina.
Ritratti: Facebook / Toni Bezzina