#noħlomlixidarba – Ktieb Ġdid Dwar Il-Valuri Tal-Unjoni Ewropea Fl-Iskejjel Ta’ Malta U Għawdex

 #noħlomlixidarba – Ktieb Ġdid Dwar Il-Valuri Tal-Unjoni Ewropea Fl-Iskejjel Ta’ Malta U Għawdex

L-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta ppubblikaw it-tieni publikazzjoni, dwar il-valuri tal-Unjoni Ewropea. Dan il-ktieb, bit-titlu: #noħlomlixidarba, huwa miktub mill-awtriċi Clare Azzopardi u b’illustrazzjonijiet ta’ Naomi Gatt, u huwa mmirat għal studenti u żgħażagħ.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, waqt it-tnedija tal-ktieb, spjega kif il-ħsieb ta’ SEM u Europe Direct Valletta wara dan il-ktieb huwa li jkompli jżid l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod innovattiv.

Dan il-ktieb fih numru ta’ stejjer qosra u fittizji, dwar grupp ta’ żgħażagħ u l-ħolm tagħhom. Li fih partikolari dan il-ktieb huwa li rnexxielu jżewweġ il-ħolm taż-żgħażagħ ma’ opportunitajiet li bihom l-UE tista’ tgħin liż-żgħażagħ fil-ħolm u fl-opportunitajiet tagħhom.

Għal dan il-għan, il-Ministru Abela qal: “biex inkomplu nżommu mat-tema tal-konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, huwa mument f’waqtu li s-SEM u Europe Direct Valletta nidew dan il-ktieb, għax minnu tfal u żgħażagħ jistgħu jiġu mnebbħa b’ideat dwar x’futur jixtiequ jaraw fl-Ewropa li ngħixu fiha, u kif l-Unjoni Ewropea tgħinhom iwettqu l-ħolm tagħhom.”

Barra minn hekk, fil-ktieb wieħed għandu jsib QR Codes apposta wara kull storja, li permezz tagħhom jiftħu l-opportunitajiet u t-tagħrif li ż-żgħażagħ għandhom bżonn; minn informazzjoni dwar il-programm ta’ fondi Ewropej Erasmus+, sa kif għandek taffaċċja kull tip ta’ diskriminazzjoni.

Fit-tnedija tal-ktieb, il-Kap Eżekuttiv ta’ SEM Mandy Falzon, qalet kif il-ktieb, magħmul minn karti sostenibbli għall-għarfien dwar l-ambjent, huwa maħsub biex iż-żgħażagħ jagħrfu li fl-UE, iż-żgħażagħ isibu l-appoġġ biex iwettqu l-ħolm tagħhom; kemm għalihom infushom u kemm għall-ġid tas-soċjetà li jgħixu fiha. L-awtriċi tal-ktieb, Clare Azzopardi spjegat kif iż-żgħażagħ dejjem ispirawa li tikteb, b’hekk dan il-ktieb huwa mimli b’ħolm, opportunitajiet, u kwalitajiet sbieħ li għandhom iż-żgħażagħ.

B’referenza għal xi kapitli mill-ktieb, fil-konklużjoni tiegħu l-Ministru Carmelo Abela filwaqt li ħeġġeġ lill-istudenti u żgħażagħ biex jaqrawh, għandhom jitgħallmu li mad-drittijiet hemm ukoll l-obbligu tar-responsabbiltajiet; li kull wieħed u waħda minnha għandna l-obbligu li nieħdu azzjoni biex inkunu ċittadini tajbin; biex nibnu ewropa iktar demokratika, ġusta, sigura, ugwali, favur l-ambjent u l-klima, u fuq kollox Ewropa li tirrispetta d-dinjita tal-persuna.

It-tnedija tal-ktieb saret mill-Kap Eżekuttiv ta’ SEM  Mandy Falzon u l-Ministru Carmelo Abela. Waqt it-tnedija pparteċipaw l-awtriċi Clare Azzopardi, u tliet studenti mill-Iskola Sekondarja tal-Mosta, tal-Kulleġġ Marija Reġina, Mariah Bonnici, Ilona Schembri u Ailey Incorvaja, akkumpanjati mill-għalliema EliClare Mikkelsen. Fit-tnedija ngħaqdu wkoll klassijiet ta’ Years 9 u 10, immexxija mill-Kap tal-iskola, Gaetano Bugeja.

Il-ktieb #noħlomlixidarba ser jitqassam fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex, u se jkun qed jiġi mqassam ukoll fil-libreriji pubbliċi. Il-verżjoni diġitali tal-ktieb se tkun aċċessibbli fuq il-website tas-SEM.​​

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com