Olandiża Arrestata Fl-Ajruport Wara Li Ppruvat Iddaħħal 2 Kilogrammi Kokaina

Kmieni lbieraħ filgħodu, il-Pulizija arrestat Olandiża ta’ 44 sena mal-wasla tagħha minn Brussell.
Informazzjoni li kellha l-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fuq passiġġiera li kienet ġejja mill-Belġju u li x’aktarx kienet fil-pussess tad-droga, irriżultat fil-pożittiv, fejn wara li saret tfittxija fuqha fil-pussess tagħha nstabu ftit iktar minn żewġ kilos droga suspettata kokaina, b’valur fit-triq ta’ kważi €260,000.
Il-mara ġiet skortata lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għall-aktar stħarriġ.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Dr Charmaine Galea, fejn ħatret diversi esperti.
Il-mara se titressaq il-Qorti, illum wara nofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Monica Vella.