“Politikament Għandna Ħafna Differenzi Però Fl-Aħħar Mill-Aħħar Aħna Lkoll Maltin” – L-MEP Alex Agius Saliba
Hekk kif ftit jiem ilu tħabbar li Roberta Metsola ħa tkun qed tikkontesta għall-kariga ta’ President tal-Parlament Ewropew ftit tal-ħin ilu fuq il-mezzi soċjali tiegħu l-MEP Laburista Alex Agius Saliba kiteb messaġġ fejn qal li għalkemm “politikament għandna ħafna differenzi però fl-aħħar mill-aħħar aħna lkoll Maltin.”
“Ftit tal-ħin ilu bgħatt privatament nawgura lill-Roberta Metsola u wgħedta illi mingħandi ser issib kooperazzjoni u mhux tfixkil fil-kandidatura tagħha bħala President tal-Parlament Ewropew”, tenna Agius Saliba fil-messaġġ tiegħu.
“J’alla kemm ‘il darba jkollha suċċess tuża din il-pożizzjoni sabiex dejjem taħdem favur l-aqwa interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha,” temm jgħid Alex Agius Saliba filwaqt li awguralha.
Roberta Metsola l-ewwel trid tirbaħ l-elezzjoni interna tal-Partit Popolari Ewropew li ħa tkun qed isir fl-24 ta’ Novembru li ġej fejn eventwalment jekk tirbaħ tkun uffiċjalment kandidata tal-EPP għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew bl-elezzjoni ssir f’Jannar 2022.