Proġett Soċjali Jħalli Impatt Pożittiv Fost L-Adoloxxenti
Il-Proġett OK (Opportunity Knocks) ħalla impatt ferm pożittiv fost numru ta’ adoloxxenti li pparteċipaw f’numru ta’ sessjonijiet, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jippromwovu stil ta’ ħajja pożittiv u li permezz tagħhom jinkisbu iktar ħiliet. Dawn il-programmi ingħataw fuq medda ta’ xhur fl-aħħar tliet snin u b’kollox ipparteċipaw 2,129 żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-età ta’ 13 u 25 sena.
Proġett li sar b’investiment ta’ madwar miljun ewro minn fondi Norveġiżi, u li tmexxa minn tim multi-dixxiplinarju ta’ professjonisti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Il-kampanja ffukat l-aktar sabiex iżomm ‘il bogħod kemm jista’ jkun żgħażagħ milli jaqgħu fil-faqar u esklużjoni soċjali. Fil-fatt ħafna mit-taħriġ jinkludi care plans, taħriġ edukattiv, u ieħor manwali.
Uħud minn dawn iż-żgħażagħ saħansitra anke għexu f’residenzi alternattivi għal ċertu żmien, minħabba diffikultajiet fil-familji naturali tagħhom. Grazzi għal dan il-proġett 88 żagħżugħ u żagħżugħa meqjusa vulnerabbli daħlu fid-dinja tax-xogħol u baqgħu fl-impjieg.
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dawn il-proġetti għandhom jibqgħu jissaħħu kemm minn aspett finanzjarju kif ukoll ta’ taħriġ, sabiex iż-żgħażagħ kollha jkollhom il-ħiliet neċessarji qabel jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Il-Ministru Michael Falzon enfasiżża l-importanza li nisimgħu u nifhmu s-sitwazzjonijiet ta’ kulħadd mingħajr ebda preġudizzju.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li dan il-proġett, ta’ ftit anqas minn miljun ewro, huwa programm ieħor ta’ suċċess li se joffri liż-żgħażagħ tagħna aktar opportunitajiet sabiex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jsibu l-impjieg li jixtiequ.
Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi spjega li Malta kienet minn ta’ quddiem fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li bbenefikaw minn fondi Ewropej fil-qasam soċjali, sabiex ikomplu jissaħħu r-riżorsi umani ta’ pajjiżna u tinħoloq ekonomija aktar b’saħħitha u sostenibbli.
Ritratti: DOI