Proġett Ta’ Ċentru Ċiviku Ġdid Fix-Xagħra Għawdex Li Għandu Jitlesta Fl-2024

 Proġett Ta’ Ċentru Ċiviku Ġdid Fix-Xagħra Għawdex Li Għandu Jitlesta Fl-2024

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li bi ftehim mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra se jwettaq il-proġett ta’ ċentru ċiviku ġdid fix-Xagħra, Għawdex.

Il-Ministeru għal Għawdex se jkun qed jiffinanzja dan il-proġett b’valur ta’ kważi €1.5 miljun bil-għan li jkunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi governattivi b’mod aktar effiċjenti u aċċessibbli. Dan filwaqt li l-kunsill se jkun qed jieħu ħsieb ix-xogħlijiet fuq dan iċ-ċentru.

Preżentament, il-binja tinkorpora l-uffiċini tal-kunsill lokali, l-għassa tal-pulizija, il-berġa tas-saħħa, faċilitajiet ta’ latrini pubbliċi kif ukoll garaxx. Dawn huma fi stat dilapidat u inaċċessibbli peress li m’hemmx lift u wieħed irid juża bilfors it-taraġ. Permezz ta’ dan il-proġett, l-għassa u l-berġa se jkunu fil-livell tat-triq u se jsir lift biex wieħed ikun jista’ jaċċessa l-kunsill lokali fl-ewwel sular u s-sala tal-komunità li se tinbena fuq nett. Il-binja kollha se tkun moderna u aċċessibbli. Fil-fatt, fiż-żmien qrib se joħroġ tender sabiex titwaqqa’ l-istruttura kollha u tinbena mill-ġdid.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li, “Il-ministeru qed jagħmel investiment bla preċedent fix-Xagħra, it-tieni l-ikbar raħal f’Għawdex wara r-Rabat, b’popolazzjoni ta’ kważi 5,000 ruħ. Fost għadd ta’ proġetti li qed isiru fix-Xagħra u madwar l-irħula kollha ta’ Għawdex, issa jmiss li x-Xagħrin jingħataw ċentru ċiviku kif jixraq. Il-Ministeru għal Għawdex huwa dejjem impenjat li jara li l-lokalitajiet ikunu aċċessibbli għall-pubbliku u li jkunu miżmuma tajjeb. Huwa għalhekk li l-aċċessibbiltà qed tingħata prijorità f’dan il-proġett.” Huwa rrimarka kif estetikament dan il-proġett se jkun ukoll qed jikkumplimenta l-bini f’din it-triq.

Min-naħa tiegħu, is-Sindku Christian Zammit irringrazzja lill-Ministru Camilleri li fehem kemm hu importanti dan il-proġett u esprima l-apprezzament tiegħu għall-Ministeru għal Għawdex li se jiffinanzja dan il-proġett bżonjuż għax-Xagħra u għax-Xagħrin. Spjega li l-uffiċini tal-kunsill lokali, l-għassa tal-pulizija, il-berġa tas-saħħa u l-latrini pubbliċi preżentament mhumiex aċċessibbli għal persuni bi problemi ta’ mobilità jew għall-anzjani. Qal li din il-binja fi stat ħażin issa se tiġi konvertita f’ċentru ċiviku ġdid ta’ kwalità għolja.

Preżenti kien hemm ukoll il-Perit Edward Scerri li spjega mil-lat tekniku d-dettalji ta’ dan il-proġett.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-ministeru se jkompli jgħin finanzjarjament biex jitwettqu aktar proġetti bħal dan li permezz tagħhom igawdi r-resident.

Ix-xogħol kollu relatat ma’ dan il-proġett għandu jitlesta sal-aħħar tal-2024.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com