Raġel Arrestat B’Rabta Ma’ Żewġ Hold-Ups Fi Ħwienet U Serq Minn Ġo Karozza

 Raġel Arrestat B’Rabta Ma’ Żewġ Hold-Ups Fi Ħwienet U Serq Minn Ġo Karozza

Raġel ġie arrestat wara li allegatament wettaq żewġ hold-ups bejn nhar l-Erbgħa u l-Ħamis illi għadda.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li lbieraħ filgħodu, il-Pulizija rċeviet rapport li f’Ħal Qormi kien hemm persuna li x’aktarx kienet għadha kemm żgassat vettura pparkjata u serqet xi affarijiet minnha. Minnufih marru l-pulizija u fil-post arrestaw raġel ta’ 38 sena.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-istess persuna, fl-24 ta’ Novembru, allegatament wettqet hold-up f’ħanut fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan u l-għada, l-25 ta’ Novembru allegatament wettqet hold-up ieħor f’ħanut fi Triq it-Tin, Ħal Qormi.

Is-serqa f’Ħal Qormi seħħet għal xi s-sebgħa u kwart ta’ filgħaxija u minn stħarriġ li sar irriżulta li ħalliel, armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab lill-kaxxier il-flus u wara ħarab minn fuq il-post.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras.

 

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com