Raġel Isofri Ġrieħi Gravi U Mara Tiddaħħal L-Isptar Wara Ħabta Fil-Gudja

Raġel ta’ 49 sena weġġa’ gravi wara li tilef il-kontroll tal-karozza li kien qed isuq.
L-aċċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-4:30pm, f’Dawret il-Gudja, il-Gudja.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 49 sena residenti Ħal Luqa, kien qed isuq Toyota Vitz, tilef il-kontroll u baqa’ dieħel ġo arblu tad-dawl.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lix-xufier u l-passiġġiera, mara ta’ 40 sena residenti Ħal Luqa, l-Isptar Mater Dei għall-kura. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li weġġgħet ħafif, filwaqt li r-raġel ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.