Raġel Mgħammad U Armat B’Sikkina Daħal F’Ħanut Jitlob Il-Flus F’San Ġiljan
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn ħanut fi Triq Santu Wistin, San Ġiljan.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari jidher li raġel mgħammad u armat b’sikkina, daħal fil-ħanut u talab il-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 31 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Ir-raġel ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti. Ħadd ma weġġa’, bil-Pulizija għaddejja bit-tfittxija għall-ħalliel.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.