Raġel Mill-Kosta tal-Avorju Jinżamm Arrestat Wara Li Kien Mixli B’Abbuż Sesswali Fuq Tifla Ta’ 9 Snin
Raġel ta’ 35 sena mill-Kosta tal-Avorju nżamm arrestat il-ħabs wara li kien mixli b’abbuż sesswali fuq tifla ta’ 9 snin.
Youssouf Madou Soumaoro Ben, f’Ġunju li għadda diġà kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati ta’ frodi romantiku. Huwa wieġeb mhux ħati għal akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu llum quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
Skont il-prosekuzzjoni r-reat seħħ fl-appartament tal-familja tat-tifla f’San Pawl il-Baħar, fejn ir-raġel jgħix u jaqsam l-ispejjeż magħhom, waqt li l-omm kienet tkun għax-xogħol.
Il-każ sar magħruf wara li t-tifla kienet tkellmet ma’ ommha dwar dak li ġara u din infurmat lill-Pulizija.