Seduta Speċjali Fil-Parlament – ‘Il-Parlament…Wara 100 Sena…X’Ġejjieni’

 Seduta Speċjali Fil-Parlament – ‘Il-Parlament…Wara 100 Sena…X’Ġejjieni’

L-Ispeaker Anġlu Farrugia mexxa Tifkira mill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi fil-Parlament bit-tema ‘Il-Parlament…wara 100 sena…x’ġejjieni?’

Fid-diskors tal-okkażjoni, hu radd ħajr lil tant patrijotti Maltin li b’kuraġġ kbir saħqu dwar il-ħtieġa ta’ riforma soċjali, imsejsa fuq sistema ta’ edukazzjoni formali, bħala parti minn programm politiku intiż biex il-poplu Malti u Għawdxi jibda jgawdi l-libertà u jkollu f’idejh ir-riedni fit-treġija tad-destin tiegħu bħala poplu u nazzjon indipendenti. Dan meta Malta kienet maħkuma minn qawwiet imperjali barranin. F’dan ir-rigward, hu semma lil Kanonku Agius de Soldanis (1712-1770), lil Mikiel Anton Vassalli (1764-1829), u lil Manwel Dimech (1860-1921).

Fid-diskors tiegħu l-Ispeaker kompla billi radd ħajr kemm lill-vittmi tal-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 u lill-mexxejja Maltin, kemm tal-imgħoddi u tal-lum talli ddedikaw u qed jiddedikaw ruħhom b’servizz ġenwin lill-poplu Malti u Għawdxi.

L-Ispeaker ikkwota siltiet ukoll mill-Ittra tal-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila intitolata ‘Lil  Ħuti Maltin’, fejn fakkar kemm l-istess poeta saħaq fuq l-għaqda tal-Maltin u l-Għawdxin sabiex “jinkiseb il-veru ġid għal dawk kollha li jgħixu fil-gżejjer Maltin u lil hinn minhom.”

Matul din it-Tifkira, taw is-sehem tagħhom il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, Dott. Lawrence Gonzi, Dott. Miriam Spiteri Debono, u l-President tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi Richard Muscat.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com