Seminar Konġunt Mill-Uffiċċju Nazzjonali Tal-Verifika U Mill-Qorti Ewropea Tal-Awdituri

 Seminar Konġunt Mill-Uffiċċju Nazzjonali Tal-Verifika U Mill-Qorti Ewropea Tal-Awdituri

L-Uffiċċju Nazzjonali tal Verifika (NAO) bil-kollaborazzjoni tal-Qorti Ewropea tal Awdituri (ECA) organizza seminar konġunt ieħor bit-tema ‘Addressing key emerging issues through public audit’. Fid-dawl taċ-ċirkostanzi preżenti, is-seminar ta’ din is-sena sar b’mod hybrid, bl-ispeakers u b’xi parteċipanti preżenti fl-NAO waqt li parteċipanti oħra segwew b’mod virtwali.

Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, enfasizza l-fatt li huwa assolutament importanti li aħna nkunu konxji ta’ sitwazzjonijiet emerġenti li żgur se jaffettwaw il-ħidma tagħna fis-snin li ġejjin. Għalhekk huwa saħaq li flimkien għandna nkunu lesti nwettqu dawk il-bidliet kollha neċessarji biex nassiguraw li x-xogħol ta’ skrutinju tagħna jibqa’ jilħaq il-livell mistenni mill-Parlament u miċ-ċittadini tagħna, minkejja dawn l-isfidi ġodda. Huwa qal li aktar ma dawn l-isfidi ndawruhom f’opportunitajiet, aktar se jkollna suċċess fil-ħidma tagħna.

Fid-diskors prinċipali ta’ dan is-seminar, il-membru Malti fi ħdan l-ECA, Leo Brincat, bit-tema ‘Public Sector Audit; Forward Planning in an ever-changing environment’ qal li fis-sitwazzjoni preżenti, li hija waħda fluwida ħafna, aħna rridu nqisu s-suġġetti tematiċi u l-iżviluppi emerġenti bħala xogħol li għadu għaddej mhux bħala lista ta’ prijoritajiet li hija statika. Huwa għamel ukoll xi riflessjonijiet dwar l-isfidi kbar li l-istati membri se jiltaqgħu magħhom waqt l-implimentazzjoni tar-Resilience and Recovery Fund li ġie varat dan l-aħħar mill-Kummissjoni Ewropea.

Wara, Keith Mercieca, Assistent Awditur Ġenerali fl-NAO, tkellem dwar it-tema ‘Thoughts and reflections on the NAO’s focus and practices: A perspective on key emerging issues’. Huwa enfasizza li l-isforzi tagħna li nidentifikaw żviluppi emerġenti, li se jimpattaw ix-xogħol ta’ dan l-uffiċċju, se jkunu ta’ sfida kbira u mingħajr dubju se nieħdu xi żbalji u niffaċċjaw ċerti riskji. F’dan il-kuntest, li nantiċipaw dawn l-iżviluppi huwa kruċjali sabiex l-Uffiċċju tagħna jkun jista’ jadatta ruħu għal dawn it-tibdiliet fil-qasam tal-awditjar.

Min naħa tiegħu, Stefano Manicolo, li riċentement ġie appuntat Direttur Ġenerali fid-Dipartiment tal Awditjar Intern u Investigazzjonijiet (IAID), ibbaża l-preżentazzjoni tiegħu fuq is-suġġett, ‘Public Procurement and Risk Management’. Huwa enfasizza l-bżonn fundamentali li jkollna sistema ta’ risk management effettiva u ta’ min joqgħod fuqha u elenka fid-dettall dak kollu li hemm bżonn f’dan ir-rigward.

Wara dawn id-diskorsi, id-Deputat Awditur Ġenerali Noel Camilleri, ta ħarsa interessanti lejn il kwistjonijiet ewlenin imqajma mid-diversi kelliema matul dan is-seminar.

Wara xi interventi mill-parteċipanti, Leo Brincat għalaq dan is-seminar b’xi konklużjonijiet interessanti ħafna u esprima l-apprezzament tiegħu lejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għall-organizzazzjoni ta’ dan it-tmien seminar annwali.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com