Sewwieq Ta’ Mutur Sofra Ġrieħi Gravi Wara Ħabta Ma’ Karozza Li Baqgħet Sejra
Sewwieq ta’ mutur sofra ġrieħi serji wara ħabta ma’ karozza li allegatament baqgħet sejra.
L-aċċident seħħ illum, għal ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħodu, fi Triq Giuseppi Garibaldi, Raħal il-Ġdid.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur tal-għamla Suzuki GSX1300R misjuq minn raġel ta’ 46 sena residenti il-Kalkara u karozza li għadha m’hiex magħrufa u li allegatament baqgħet sejra.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.