Sid Ta’ Ħanut Immultat €3,000 Talli Hedded Lill-President Tal-Għaqda Repubblika Bi Profil Falz Fuq Facebook

 Sid Ta’ Ħanut Immultat €3,000 Talli Hedded Lill-President Tal-Għaqda Repubblika Bi Profil Falz Fuq Facebook

Raġel li għandu ħanut tal-ħwejjeġ fil-Belt kien ikkundannat multa ta’ €3,000 mill-Maġistrat Astrid May Grima wara li nstab ħati li hedded lill-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina permezz ta’ profil falz fuq Facebook.

Kien f’Marzu li għadda li n-Nutar Aquilina għamel rapport lill-Pulizija wara li fuq Facebook, taħt il-profil Mario Borg, deher dan il-kumment indirizzat lilu; “Jaqaw madekx taqla biżżejjed biex qijat tamel gustizzja int qabel il qorti.. Kollox qijat tivvinta biex jergaw jitilaw il-pn…Ahna kwieti ima sakem itelawomna ta Ghax sissa kollox taht il-pn sar ta u lewwel wiehed int. U Jien ga dejaqtni il belt u ha najdlek ibda ibza wahdek il belt.”

Il-Pulizija waslet biex tidentifika lir-raġel wara li talbet l-għajnuna tal-Facebook u permezz tal-IP address u l-mobile number waslet għal Joseph Camenzuli mill-Mosta bħala l-persuna li kitbet il-kumment.

Huwa għażel li jixhed fejn insista li ma kellu xejn fil-konfront ta’ Aquilina u li kien il-President tal-Għaqda Repubblika li ħa l-kumment bħala theddida.

Camenzuli żied li flimkien ma’ sidien oħra ta’ ħwienet fil-Belt kien irrabjat bil-protesti li kienu qed isiru fil-Belt.

Il-Maġistrat Grima sabitu ħati u minbarra l-multa ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur in-Nutar Aquilina. Huwa jista’ jeħel €2,000 multa oħra jekk jikser din l-ordin.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Michael Vella waqt li għal Camenzuli deher l-Avukat David Gatt li qal li se jappella mis-sentenza.

L-Avukat Therese Comodini Cachia dehret għal Aquilina.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com