Skond Simon Mercieca, Adrian Delia Għandu Jkun Iċ-Chairman Tal-PAC Flok Beppe Fenech Adami

 Skond Simon Mercieca, Adrian Delia Għandu Jkun Iċ-Chairman Tal-PAC Flok Beppe Fenech Adami

“Matul il-ġimgħa li għaddiet, rajna xeni xejn sbieħ u battibekki bejn Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina ma’ Konrad Mizzi. Taqbel jew ma taqbilx ma’ Mizzi, dan ħareġ rebbieħ fid-dibattitu li spiċċa kellu ma’ Fenech Adami u Aquilina.”

Dan kien il-ħsieb ta’ Simon Mercieca dwar is-seduta tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li saret nhar l-Erbgħa, fejn deher biex jixhed il-Membru Parlamentari Konrad Mizzi.

Dalgħodu fil-kitba tiegħu qal li Beppe Fenech Adami mhux tajjeb li jkun chairman ta’ dan il-kumitat.

Huwa saħaq li kien aktar moħħu biex jagħmel battuti politiċi milli jiċċerja dan il-kumitat. “Dik li kellha tkun statement minn Konrad Mizzi ta’ għaxar minuti spiċċat f’dikjarazzjoni u nbidlet f’dibattitu politiku ta’ sagħtejn. Dan hu tassew tal-mistħija u jaħti għalih iċ-chairman tal-kumitat.”

Simon Mercieca qal li waqt dan id-dibattitu “Konrad Mizzi u ċ-chairman spiċċaw jaħslu l-ħwejjeġ maħmuġin tagħhom fil-pubbliku.”

Mercieca saħaq li dak li kellu jagħmel iċ-chairman, huwa li jħalli lil Konrard Mizzi jitkellem. “Ma jinterrompix. Iħallih jgħid li jrid u mbagħad, kif inhu dmiru, jagħmillu l-mistoqsijiet u mhux jidħol miegħu f’battuti politiċi.”

“Nemmen li persuna idonea u taf tagħmel dan ix-xogħol tajjeb huwa Dr. Adrian Delia,” tenna Simon Mercieca. Huwa kompla jgħid li Dr. Delia huwa persuna li jidħol il-qorti, “jiġifieri hu avukat li jaħdem fil-litigation – u kapaċi jagħmel dan ir-rowl għaliex hu part minn xogħolu. Ara kif sallabhom lil ta’ Steward Healthcare li qed ikollhom joħorġu affarijiet li xtaqu jżommu moħbija.”

Mercieca sostna li Adrian Delia huwa l-persona li kapaċi tanalizza u mbagħad tagħmel il-mistoqsijiet diffiċli kif għandu jkun xogħol ta’ persuna li tokkupa din il-kariga.

“Dan hu każ ieħor li l-PN mhux kapaċi juża n-nies tiegħu sew,” temm jgħid Simon Mercieca fil-kitba tiegħu.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com