Sottomessi 72 Proġett Lokali Biex Jipparteċipaw Fil-Malta Film Awards 2022

 Sottomessi 72 Proġett Lokali Biex Jipparteċipaw Fil-Malta Film Awards 2022

Numru kbir ta’ produtturi Maltin laqgħu s-sejħa biex jipparteċipaw fl-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards li ser jinżammu fid-29 ta’ Jannar 2022.

Fi stqarrija ntqal li 80 produttur, 60 direttur u 340 attur għażlu li jkunu l-protagonisti fil-Malta Film Awards ta’ l-2022.  F’din l-ewwel edizzjoni ser ikunu qed jipparteċipaw ukoll numru kbir ta’ crew f’dipartimenti differenti, fosthom fil-hair u make up; kostumi u ċinematografija; kif ukoll fil-qasam ta’ editing, sound u VFX.

B’kollox ġew sottomessi 72 proġett lokali – fil-forma ta’ films, serje televiżivi, dokumentarji kif ukoll films qosra.

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films flimkien mal-Public Broadcasting Services qed jorganizzaw l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards li ser jinżamm fid-29 ta’ Jannar 2022.

Dan l-avveniment ser jiċċelebra t-talent u l-kreattività fl-industrija lokali tal-films u t-televiżjoni matul din l-istorja ta’ suċċess f’pajjiżna.

Il-Kummissjoni Maltija tal-Films qalet li tinsab sodisfatta ħafna bir-rispons mill-maġġoranza tal-produtturi Maltin għal din l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech stqarr li “L-għaqda dejjem tirbaħ. U illum l-maġġoranza tal-producers Maltin laqgħu għas-sejħa tagħna biex jiċċelebraw l-istejjer tagħhom. Din hija storja ta’ suċċess. U jiena kburi bl-istorja ta’ kull min ipproduċa u ssottomessa l-applikazzjoni għall-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards. Huwa ċar, li l-Kummissjoni tal-Films f’pajjiżna qed tirrapreżenta Moviment tal-Arti Kreattiva fejn flimkien qed ningħaqdu biex nirrikonoxxu l-ħiliet u l-kapaċità tagħna l-Maltin.”

F’Novembru, dawn is-72 proġett uniku ser jgħaddu għand ġurija esperta, lokali u internazzjonali, komposta minn professjonisti mill-qasam tal-produzzjoni, arti, l-mużika, l-akkademja u l-midja.

Bit-tema “Celebrating Our Story”, il-Malta Film Awards ser jittella fit-29 ta’ Jannar 2022, f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com