Spanjol Ipprova Jitlaq Minn Malta Abbord Ajruplan Bi Skieken, Arma Tan-Nar u Munizzjon Fil-Bagalja

Spanjol li jaħdem bħala bejjiegħ tal-ħaxix u frott tressaq il-Qorti lbieraħ wara li nhar il-Ħadd prova jitla’ fuq ajruplan li kien se jitlaq minn Malta b’diversi armi u munizzjon.
Ruben Cuervo Fernanedez wieġeb ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih wara li ammetta li għamel żball u qal li ma kienx jaf li dawn l-affarijiet kienu llegali f’Malta.
Fil-bagalja tiegħu kien qed iġorr żewġ flick knives, pepper spray, sikkina, arma tan-nar u munizzjoni.
Huwa qal ukoll lu dawn l-armi ingħatawlu bħala rigal u kien diġà għadda bihom minn ajruporti oħra fosthom Berlin.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Roxanne Tabone, filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għall-akkużat.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech se tagħti s-sentenza l-ġimgħa d-dieħla. Huwa jista’ jeħel sentenza ta’ ħabs.