Studju Juri Li L-Ansjetà U L-Istress Huma Fost L-Aktar Kwistjonijiet Ta’ Saħħa Mentali Komuni Fost Il-Ħaddiema Maltin
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, responsabbli mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, ħabbar li sar studju nazzjonali dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol. L-istudju, imwettaq minn Novargo, sar b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER).
L-għan ta’ din ir-riċerka kien li tingħata stampa iktar reali ta’ x’qed jiġri fuq bażi xjentifika sabiex inkunu nistgħu niddiskutu t-triq ’il quddiem fuq bażi nazzjonali. Il-Ministru Abela qal li, “Is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol hi suġġett importanti li rridu nieħdu bis-serjetà. L-impatt li l-benesseri mentali jista’ jkollu fuq in-nies, b’mod individwali; in-negozji tagħna, b’mod partikolari; u l-ekonomija tagħna b’mod ġenerali, huwa kbir wisq biex jiġi injorat.”
Spjega kif dan is-suġġett, li huwa wieħed sensittiv, importanti li jiġi diskuss għax jinvolvi numru ta’ fatturi li l-biċċa l-kbira huma relatati mat-tip ta’ xogħol imwettaq, l-ambjent organizzattiv u maniġerjali, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-impjegati, ir-riżorsi disponibbli għall-impjegati biex iwettqu xogħolhom u l-bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tad-dar.
Biex dawn il-fatturi jiġu indirizzati b’mod tajjeb, irridu ninvolvu ruħna ma’ numru ta’ stakeholders. Għalhekk, il-Ministru Carmelo Abela fil-preżenza taċ-Chairperson tal-MCESD, James Pearsell, ippropona li jara li din id-diskussjoni tittieħed quddiem l-imsieħba soċjali fuq livell tal-MCESD, biex inkunu nistgħu naraw x’inhuma l-passi li huma jissuġġerixxu u x’hemm bżonn li jsir.
Joshua Zammit, li ħa ħsieb li jitwettaq dan l-istudju, fi preżentazzjoni li kien qed jagħti dwar ir-riżultati miksuba minn dan l-istudju, semma li tliet kwarti tal-ħaddiema Maltin huma kuntenti bil-ħajja tagħhom, u li tnejn minn kull ħames ħaddiema Maltin huma sodisfatti bix-xogħol tagħhom. Is-Sur Zammit spjega li kważi nofs il-forza tax-xogħol Maltija tirrapporta gradi differenti ta’ sintomi ta’ dipressjoni; wieħed minn kull erbgħa jista’ jeħtieġ għajnuna professjonali. L-ansjetà u l-istress jidhru li huma kwistjonijiet ta’ saħħa mentali l-aktar komuni fi ħdan il-forza tax-xogħol Maltija.
Id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industijali u tal-Impjiegi Diane Vella Muscat saħqet dwar kemm hu importanti li min iħaddem, jipprovdi ambjent sigur għall-impjegati kollha u li jkun ta’ sapport għal min qed jaffaċċja problemi fuq il-post tax-xogħol, inkluża s-saħħa mentali. Hija spjegat li dan l-istudju kien essenzjali li jsir, biex jagħti stampa wiesgħa ta’ x’inhi s-sitwazzjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna, li minkejja li taffettwa lill-ħaddiem innifsu, taffettwa wkoll il-produttività ta’ ħidmietu.
Il-Ministru kkonkluda li bħala gvern irridu nifhmu aħjar il-livell ta’ benesseri mentali fil-ħaddiema tagħna għax irridu noffru l-aħjar kundizzjonijiet ta’ saħħa għall-ħaddiema u noffru kull appoġġ li nistgħu lil dawk li qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet ta’ sfida.
Ritratti: DOI