Tarbija Ta’ 5 Xhur Bi Ġrieħi Serji F’Aċċident Tat-Traffiku Fi Triq Tal-Barrani
Ħabta bejn żewġ karozzi tħalli 4 persuni midruba fosthom tarbija ta’ 5 xhur bi ġrieħi serji.
L-aċċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-10:00pm, fi Triq tal-Barrani, Ħal Tarxien.
Il-Pulizija tad-Distrett marret immedjatament fuq il-post u mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li seħħet ħabta bejn Renault Captur misjuqa minn raġel ta’ 58 sena residenti s-Swieqi u Honda Fit misjuqa minn raġel ta’ 32 sena residenti l-Iklin. Fil-Honda kien hemm ukoll mara ta’ 31 sena u tarbija, tifel ta’ 5 xhur.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew lill-persuni involuti fl-inċident. L-erba’ persuni ttieħdu l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
Aktar tard ir-raġel ta’ 58 sena ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief. Il-mara u r-raġel li kienu fil-Honda, sofrew ġrieħi gravi, filwaqt li t-tifel kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa, Dr. Noel Bartolo kien infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Ritratt: Nikita Yacine