Tiftaħ Wirja Artistika B’Risq Id-Dar Tal-Providenza Fil-Parlament
L-Ispeaker Anġlu Farrugia lbieraħ inawgura wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza, li qed tittella’ fil-foyer tal-Parlament ta’ Malta.
Fid-diskors tiegħu, l-Ispeaker faħħar lill-fundatur tad-Dar tal-Providenza, Monsinjur Mikiel Azzopardi, li ddedika l-ħidma pastorali tiegħu għall-kura tal-morda u favur il-persuni b’diżabilità. L-Ispeaker semma li l-monsinjur kien għalliem, u xandar u farraġ lill-morda, lill-persuni b’diżabilità u lil qrabathom, filwaqt li kien jisħaq li l-persuni b’diżabilità għandhom jiksbu r-rispett li jixraqilhom u jingħataw l-għajnuna ħalli jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża.
L-Ispeaker żied li l-istorja tad-Dar tal-Providenza hi waħda ħajja. Għalkemm din hi ġrajja ta’ 56 sena, aktar milli hi ġrajja tal-imgħoddi tagħna, din hi esperjenza tagħna bħala poplu u nazzjon. Il-poplu Malti u Għawdxi għandu qalb sensittiva għall-bżonnijiet ta’ dawk li jeħtieġu l-għajnuna. Din il-kuxjenza favur is-solidarjetà soċjali tikber u tissaħħaħ, dment li lkoll kemm aħna nżommu d-Dar tal-Providenza bħala esperjenza ta’ ħajjitna li permezz tagħha qed ngħinu lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’dinjità.
L-Ispeaker Farrugia feraħ lid-Dar tal-Providenza għall-Premju Ċittadini Ewropej 2021 mogħti lilha mill-Parlament Ewropew, b’għarfien tal-kontribut siwi li tagħti lill-persuni b’diżabilità u għall-fatt li hi meqjusa xempju ta’ valuri għonja f’Malta u fl-Ewropa.
Din il-wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza se ddum miftuħa sas-26 ta’ Diċembru 2021. Il-pubbliku jkun jista’ jżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta, matul il-ġimgħa bejn id-9.00 ta’ filgħodu u l-5.00 ta’ filgħaxija u s-Sibtijiet u l-Ħdud bejn id-9.00 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (12.30) ta’ waranofsinhar. L-opri tal-arti ser jinbiegħu permezz ta’ rkant li se jinżamm online. Għal aktar informazzjoni dwar dan l-irkant wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tad-Dar tal-Providenza www.dtpauction.com kif ukoll www.belgraviaauctions.com.
Ritratti (SPK)