Tim Nazzjonali Abbord Id-Dgħajsa ‘Viva Malta’ Se Jirrappreżentana Fl-Ibburdjar
Il-Ministru Ian Borg fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Clifton Grima u Yacthing Malta ħabbar li se jitwaqqaf tim nazzjonali Malti tal-isport tal-ibburdjar li se jkollu d-dgħajsa apposta tiegħu tat-tip Cookson 50 b’investiment ta’ madwar €400,000 u li se tingħata l-isem ta’ ‘Viva Malta’.
Dan it-tim se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżna f’kompetizzjonijiet fuq skala internazzjonali. Il-proposta kienet imressqa minn Yachting Malta, li taqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Il-Ministru Ian Borg faħħar din l-inizjattiva u qal li dan se jkun pass ieħor importanti li se jkompli jissiġilla isem pajjiżna bħala ċentru ta’ eċċellenza fis-settur marittimu. “Pajjiżna minn dejjem kellu reputazzjoni għolja f’dan il-qasam u għaldaqstant ħassejna l-ħtieġa li nimbuttaw aktar u nkomplu nitfgħu isem pajjiżna fil-quċċata anke fejn jidħol l-isport tal-ibburdjar. Għal dan l-għan, rajna wkoll li nwaqqfu kumitat ta’ esperti tekniċi sabiex jevalwaw l-idea u jagħtu l-kontribut tagħhom sabiex pajjiżna joffri l-aqwa u l-aħjar tim possibbli. Huwa b’dan il-mod li rridu nkomplu ngħollu l-kwalità u nagħtu aktar opportunitajiet f’dan l-isport, li jidher li pajjiżna għandu bosta atleti b’potenzjal qawwi u talent kbir.”
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq dwar kif Malta kellha storja ta’ suċċess fl-isport tal-ibburdjar, partikolarment f’avvenimenti internazzjonali bħar-Rolex Middle Sea Race, li ntrebħet disa’ darbiet minn tim Malti. Is-Segretarju Parlamentari Grima spjega kif il-Malta Sailing Federation, bl-appoġġ ta’ SportMalta, kienet attiva fil-promozzjoni ta’ dan l-isport u dawn l-isforzi ġġeneraw żieda sostanzjali fl-attivitajiet tat-tbaħħir, kif ukoll l-użu tal-ibburdjar bħala sport miż-żgħażagħ Maltin. Il-ġeografija ta’ Malta hija eċċellenti għall-prattika u l-wirjiet eventwali ta’ suċċess f’dan l-isport. Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li dan huwa proġett sħiħ li se jkun jista’ jagħti lill-baħrin tagħna pjattaforma oħra fejn juru l-kapaċitajiet atletiċi u tat-tbaħħir tagħhom fix-xena internazzjonali.
Iċ-Chairman ta’ Yachting Malta John Huber qal li, permezz ta’ din l-inizjattiva, l-industrija marittima se tieħu spinta oħra ’l quddiem, hekk kif issa pajjiżna se jkollu t-tim nazzjonali tiegħu li jtellaq f’tiġrijiet tal-ibburdjar barra minn xtutna.
Yachting Malta ħadmet bosta drabi fuq attivitajiet ta’ prestiġju bħar-Rolex Middle Sea Race u anke dawk internazzjonali bħal Cannes and Monaco Show u Malta Syracuse Race, fost oħrajn.
Fil-proposta tagħha, Yachting Malta ppreżentat programm ibbażat fuq erba’ snin, li jinkludi li s-sena 2021 tkun iddedikata għax-xiri u l-immaniġġjar tad-dgħajsa, is-sena 2022 li tkun iddedikata għall-avvenimenti li jsiru fil-Mediterran, l-2023 għall-avvenimenti fl-Ingilterra u zoni Nordiċi, filwaqt li s-sena 2024 se tkun iddedikata għall-avvenimenti li jsiru fl-Amerka ta’ Fuq u fil-Karibew.
Ritratti: DOI, MTIP