Tinfetaħ Ix-Shadow Colour Pavilion Fi Pjazza San Ġorġ

 Tinfetaħ Ix-Shadow Colour Pavilion Fi Pjazza San Ġorġ

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera fetaħ uffiċjalment ix-Shadow Colour Pavilion fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta. Din l-inizjattiva ser tkun miftuħa għall-pubbliku bejn illum u għada u ġiet imtellgħa mill-MICAS, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Valletta Cultural Agency u ma’ Esplora. Ix-Shadow Colour Pavilion hija esperjenza sensorjali immersiva li toffri lill-viżitaturi l-opportunità għal impenn kreattiv permezz tal-logħob u tad-divertiment.

“Kuntent ferm nara l-kollaborazzjoni li qed issir bejn l-entitajiet pubbliċi sabiex jiġu organizzati attivitajiet ta’ dan it-tip. Permezz ta’ din l-inizjattiva qed nesperjenzaw id-djalogu li jeżisti bejn ix-xjenza u l-arti. L-arti u x-xjenza huma dixxiplini li jixprunaw il-kultura u s-soċjetà tagħna, u għandhom impatt pożittiv fuq is-saħħa u l-benesseri tagħna,” sostna l-Ministru Herrera. “Qed naħdmu sabiex niżguraw li kulħadd ikollu l-opportunità sabiex jesperjenza u jgawdi l-kultura billi qed inkomplu nżidu l-aċċess għall-kultura u nwessgħu l-parteċipazzjoni kulturali.”

Ix-Shadow Colour Pavilion juża kulur tad-dawl pur biex il-viżitaturi jidħlu għal esperjenza ta’ stimulazzjoni viżiva hekk kif jesploraw il-perċezzjoni tal-kulur, id-dawl, id-dell u l-ispazju. Il-viżitaturi ta’ kull età huma mistiedna jipparteċipaw b’mod attiv u jesploraw il-kreattività tagħhom billi jimxu fi ħdan il-paviljun u jiġġeneraw diversi dellijiet kuluriti. Dan l-avveniment ta’ jumejn se jiġi ffaċilitat mill-komunikaturi tal-MICAS u tal-Esplora li se jiggwidaw lill-viżitaturi hekk kif jiskopru aktar dwar id-dawl, il-kulur u d-dell.

Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-10:00 sat-15:00 u mill-17:00 sal-22:00. Id-dħul huwa b’xejn, imma permezz ta’ booking biss.

Ritratti: DOI

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com