Titnieda Alleanza Li Trawwem Ambjent Favorevoli Għal Start Ups Fi Ħdan L-UE
Fuq stedina tal-Gvern Portugiż, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri attenda t-tnedija tal-European Start-up Nation Alliance (ESNA) f’Lisbona, il-Portugall. Din l-alleanza ġiet stabbilita wara l-iffirmar ta’ dikjarazzjoni fil-Jum Diġitali tal-UE, li nżammet f’Marzu. Malta, flimkien ma’ 25 stat membru ieħor tal-UE, flimkien mal-Iżlanda, qablu li jistabbilixxu alleanza li tfittex li trawwem ambjent favorevoli li jħeġġeġ lil start-ups u l-intraprendituri jikbru fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Id-dikjarazzjoni tiddeskrivi wkoll lista ta’ tmien best practices li kull firmatarju jrid jimplimenta.
Dawn il-best practices jinkludu:
- Il-ħolqien ta’ start-ups b’pass iżjed mgħaġġel u d-dħul fis-suq inqas burokratiku
- It-trawwim u ż-żamma tat-talent intraprenditorjali
- Aċċess għall-għodda finanzjarja
- Inklużjoni soċjali u d-diversità
- Prijorità lill-operat diġitali
Il-ħolqien ta’ ambjent bħal dan huwa ċentrali għat-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija sostenibbli, reżiljenti, miftuħa u diġitali, filwaqt li joħroġ il-potenzjal ta’ innovazzjoni u tkabbir tan-negozji ġodda tagħha.
Waqt l-intervent tiegħu, il-Ministru Schembri spjega li Malta hija impenjata li timplimenta dawn il-best practices u li tippromwovi ambjent intraprenditorjali, hekk kif kemm start-ups u scaleups huma essenzjali għall-ekonomija u s-soċjetà futura Ewropea.
Il-ministru faħħar ukoll il-ħidma li saret mill-aġenzija Maltija għall-iżvilupp ekonomiku, il-Malta Enterprise, permezz tal-inizjattiva Start in Malta, li tikkontribwixxi għas-supercharging tal-ekosistema Maltija tal-istart-ups, li serviet bħala bażi għal bosta start-ups li għamlu suċċess. Il-Ministru Schembri ħeġġeġ ukoll lil stati membri oħra jippromwovu u jimplimentaw standards tat-teknoloġija u ħeġġiġhom biex iħarsu lejn il-ħidma tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali. Aktar kmieni din is-sena din l-awtorità stabbilixxiet sandbox teknoloġiku bl-għan li tiggwida lil start-ups u SMEs biex jibnu arranġament teknoloġiku affidabbli, f’konformità mal-istandards internazzjonali tat-teknoloġija.
Il-Ministru Schembri temm l-intervent tiegħu billi faħħar lill-Portugall u lill-Kummissjoni tal-UE għat-twaqqif ta’ din l-alleanza, hekk kif bi sforz koordinat aktar kumpaniji u intraprendituri jistgħu jirnexxu fl-Unjoni Ewropea.
Wara l-laqgħa, il-Ministru Schembri attenda għall-Web Summit li nediet uffiċjalment l-alleanza fil-preżenza ta’ diversi kumpaniji tat-teknoloġija u start-ups li vjaġġaw lejn il-Portugall biex jattendu dan l-avveniment.
Ritratti: MEI