Tliet Irġiel Midruba Wara Ġlieda B’Ħadida Fis-Sigħat Bikrin Ta’ Dalgħodu Fil-Marsa
Sirjan, Libjan u Somalu sfaw midruba wara allegat argument fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu fil-Marsa.
Kienu xi t-tlieta u nofs ta’ filgħodu, xħin il-Pulizija ġew infurmati li f’żewġ postijiet differenti qrib il-‘Park and Ride’ tal-Marsa, kien hemm żewġt irġiel mixħuta mal-art b’diversi ġrieħi. Ftit ħin wara daħal fl-Għassa tal-Ħamrun raġel ieħor mimli dmija u ntilef minn sensih.
Waqt li t-tlett irġiel ittieħdu għal kura l-Isptar Mater Dei, bdiet l-investigazzjoni mill-Pulizija sabiex jiġi stabbilit jekk it-tliet persuni kinux involuti fl-istess każ. Fil-fatt, mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kien seħħ argument bejn it-tliet persuni f’post fi Triq is-Serkin, il-Marsa u allegatament intużat ħadida.
It-tlett irġiel ġew identifikati bħala Sirjan ta’ 34 sena, Libjan ta’ 31 sena u Somalu ta’ 30 sena. Aktar tard, is-Sirjan ġie ċċertifikat li għandu ġrieħi serji, filwaqt li l-kundizzjoni taż-żewġ persuni l-oħra għadha pendenti.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.