“Wegħdu Nifs Ġdid Lir-Raħħala” – Il-PN Jgħid Li L-Fatti Juru Li F’4 Snin Għalqu 40 Razzett
“Ejjew nieħdu ħsieb il-prodott Malti għax qed nirriskjaw is-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna. Ma nistgħux nibqgħu niddependu kompletament mill-prodott impurtat. Jeħtieġ ngħinu lil min jipproduċi lokalment.” Dan kien l-appell tal-Kelliem Ewlieni Peter Agius u l-Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali Charles Azzopardi f’messaġġ minn razzett tal-Majjali ġol-Imġarr.
“Il-manifest tal-Partit Laburista tal-Aqwa Żmien jgħid li ser jgħin lir-raħħala Maltin. ‘Nagħtu nifs ġdid lil dawn l-oqsma’ wegħdu. Sadanittant, mhux talli taw nifs ġdid, talli minn 134 razzett tal-majjali liċenzjat fl-2017 niżlu għal 93 illum. Aktar minn 40 razzett tal-Majjali fallew taħt Gvern Laburista,” tenna l-Kelliem Ewlieni Peter Agius, fejn elenka wkoll li l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal fl-aħħar disa’ snin naqset b’30%.
“Wegħdu wkoll li ser jgħinu lir-raħħal bil-prezz tal-ġwież. ‘Dan isir permezz ta’ għajnuniet diretti fuq il-ġwież fost l-oħrajn’ jispeċifika l-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Ħames snin wara, ma taw l-ebda għajnuna diretta fuq il-ġwież minkejja li dan għola 30% fl-aħħar sena biss. Għola għar-raba’ darba din il-ġimgħa stess. Sadanittant ir-raħħala kollha Maltin u Għawdxin, dawk li jrabbu tiġieġ, baqar u majjali qegħdin f’xifer falliment. Illum dawn kolla jifhmu li l-wegħda Laburista kienet bżar fl-għajnejn,” tenna Charles Azzopardi.
Il-Kelliema saħqu li l-PN jemmen fil-prodott lokali fejn diġà tħabbru serje ta’ proposti fosthom anke permezz ta’ liġijiet Ewropej. “Il-PN jimpenja ruħu wkoll li jsir studju serju dwar l-ispejjeż tal-importazzjoni tal-ġwież u li jgħin direttament f’dawn l-ispejjeż permezz tal-proposta diġà mħabbra ta fond nazzjonali ta’ €40 miljun li jgħin jistabbilixxi ‘level playing field’ għall-industrija lokali.”
Peter Agius u Charles Azzopardi temmew jgħidu li l-PN jinsab impenjat biex jikkumbatti b’saħħa il-frodi fuq l-ikel. Ir-raħħala jiddeskrivu bosta każijiet u ċirkostanzi fejn majjal, tiġieġ u prodotti oħra jinbiegħu bħala Maltin iżda ma jkunux. “F’ċerta każijiet hemm allegazzjonijiet serji li laħam friżat ġej mill-asja jinbiegħ bħala prodott frisk u Malti. Din hija sitwazzjoni serja mmens li tirrikjedi intervent mill-Gvern li sa issa jibqa’ plaċidu u ma jitħarrikx biex jassigura ġustizzja mal-produttur u l-konsumatur Malti.”