Wirja Artistika Ġdida Tgħin Lit-Tfal Jikkumbattu L-Maltemp
Wirja teatrali ġdida għadha kif ġiet imfassla bl-għan li turi lit-tfal li l-maltemp tal-ansjetà mhux dejjem tal-biża’ daqskemm jidher. Imtella’ mill-programm tat-tagħlim u parteċipazzjoni ta’ TOI TOI tramite t-Teatru Manoel, The Storm hi mfassla u ppreżentata minn TOI TOI Collective, taħt id-direzzjoni ta’ Chiara Hyzler u bis-sehem ta’ Becky Camilleri, Michela Farrugia, Michaela Fenech u Tina Rizzo.
“L-ispirazzjoni għal The Storm ġiet mit-tim innifsu,” spjegat is-Sa Hyzler. “F’kemm ili ngħidlek waqajna fuq it-tema tal-ansjetà, għax b’xi mod jew ieħor laqtitna mill-qrib kollha kemm aħna. Bħala għalliema tinteressani, għaliex innutajt żieda ta’ sinjali t’ansjetà fl-imġiba tat-tfal. Qsamna ma’ xulxin l-istejjer individwali tagħna dwar din it-tema, u ispirajna ruħna minn ktieb li jittratta dinja taħt l-art fejn kollox jinqaleb ta’ taħt fuq u affarijiet żgħar, kważi insinjifikanti, jitkabbru b’mod esaġerat. Permezz tal-proċess kreattiv żviluppajna l-kunċett ta’ sellum, b’din id-dinja taħt l-art tkun il-punt tat-tluq, u nilagħbu b’oġġetti sabiex niffurmaw il-karattri ta’ din il-biċċa xogħol artistika.”
The Storm turi l-esperjenza li tfal jgħaddu minnha meta jkunu qed ibatu mill-ansjetà. Għaldaqstant, tesplora l-aspettattivi u l-pressjonijiet li t-tfal iħossu meta jippruvaw jesprimu ruħhom. Bil-kontribut ta’ Francesca Diacono, koordinatriċi tal-inklussività li taħdem mat-tfal bl-ansjetà, it-tim ħoloq il-vjaġġ tal-karattru ewlieni Georgie minn ġod-dinja ta’ taħt l-art, flimkien mad-diversi karattri – enerġetiċi, eċċentriċi, iżda fl-istess waqt relatabbli – li niltaqgħu magħhom matul dal-vjaġġ.
“Bl-isfidi tal-aħħar snin b’mod speċjali, is-saħħa mentali tat-tfal ħabbtet wiċċha ma’ aktar diffikultajiet minn qatt qabel,” qalet Kate Fenech Field, il-Manager tat-TOI TOI Learning and Participation Programme. “B’dak kollu li kellhom jaffaċċjaw u jegħlbu, issa huwa importanti li naqsmu mat-tfal rappreżentazzjoni li tgħinhom jifhmu u jaffrontaw il-maltemp li qed jesperjenzaw, ikun xi jkun. M’għandniex xi ngħidu, m’hemmx soluzzjoni jew tweġiba waħda għall-ansjetà – u The Storm ma tippruvax tagħti waħda – iżda hija tema li jeħtieġ li tiġi esplorata llum aktar minn qatt qabel.”
The Storm, rappreżentazzjoni ta’ darba ta’ teatru fiċ-ċinema, se tintwera fl-Eden Cinemas fil-5 ta’ Diċembru fil-11am – u s-Sa Hyzler tittama li din il-produzzjoni kklassifikata PG tgħin lill-membri tal-udjenza ta’ kwalunkwe età jiġġieldu l-battalja tagħhom mal-ansjetà.
“Kulħadd għandu xi inkwiet; u kulħadd ibati mill-ansjetà, avolja forsi lanqas biss tkun taf,” ikkonkludiet. “Impossibbli li ma tbati minn xejn, għax ilkoll kemm aħna ngħixu ħajja b’ħafna pressjonijiet. Iktar ma nagħrfuha malajr, iktar nistgħu niġġildulha malajr. U meta niġġildulha, ma neħilsux minnha għal dejjem, imma nitgħallmu ngħixu biha. Bis-saħħa ta’ The Storm, nisperaw li nistgħu ngħinu lin-nies jaffrontaw il-maltemp personali tagħhom, joħorġu minnu, jitgħallmu kif jagħrfuh u jsibu mezz kif jgħaddu minnu – forsi billi jiktbu l-poeżiji, jew jiżfnu, jew isiru aktar organizzati – ikun xi jkun il-mezz li jaħdem għalihom. Il-qofol hu l-antiċipazzjoni tal-ansjetà u kif tegħlibha fuq livell personali.”