“X’Differenza Tagħmel Minn 100 Ruħ Mexjin Biex Jiġbru L-Flus Għal Karità U 100 Ruħ Mexjin Wara Xbieha Ta’ Ġesù Bambin Fil-Milied?” – Dun Mario Mangion
“X’differenza tagħmel minn 100 ruħ mexjin biex jiġbru l-flus għal karità u 100 ruħ mexjin wara xbieha ta’ Ġesù Bambin fil-Milied?” Hekk saqsa l-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Ħal Qormi Dun Mario Mangion fuq il-mezzi soċjali tiegħu, hekk kif dalgħodu ġiet organizzata l-fun run tal-President b’risq il-MCCFF f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex.
Dun Mario Mangion isaqsi diversi mistoqsijiet li huma wkoll diversi mistoqsijiet ta’ bosta li għal sentejn sħaħ kienu u għadhom qed ikunu mċaħħda milli jorganizzaw attivitajiet bħal dawn.
“Għaliex waħda iva u oħra le? Għaliex ħafna protokolli nbidlu u dawk li jirregolaw l-attivitajiet reliġjużi hemm reżistenza enormi biex nagħmlu ftit tibdiliet? Għaliex kulħadd jista’ jorganizzaw attività fuq barra anke bħala controled event u attività reliġjuża kontrollata ma tistax issir fil-beraħ? Il-pandemija qed sservi ta skuża biex nikkontrollaw l-prattika reliġjuża? Dan wkoll dritt fundamentali tal-bniedem,” saħaq Dun Mario Mangion.
L-Arċipriet filwaqt li għamilha ċara li huwa jifhem li s-sitwazzjoni mhijiex waħda normali u nistgħu nkunu aħjar, qal li jippretendi li kulħadd ikun trattat l-istess.