“Xħin Tkun Għal Kwiet Fl-Għalqa Tiegħek Ħares U Ammira Dak Li Sraqt…” – Is-Sindku Malcolm Paul Agius Galea
“Pruvajt nikkalma qabel nikteb dan il-post imma diffiċli. Ftit ġimgħat ilu, ġejt ma’ xi kunsilliera nħawwlu s-siġar fit-telgħa ta’ Ħ’Attard.”
Hekk kiteb is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ It-tabib Malcolm Paul Agius Galea fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Minn kliemu jidher li huwa rrabjat, u wara li taqra dak li kellu xi jgħid mal-ewwel tgħid li għandu raġun jkun daqshekk imbaqbaq.
Huwa qal li dakinhar li marru jħawlu s-siġar kien hemm ibnu, Adam ukoll miegħu. “Għidtlu, dawn is-siġar li qed inħawwlu għad jikbru…Jien ma nkunx għadni hawn imma tgħaddi minn hawn mat-tfal tiegħek u tgħidilhom dawn ħawwilthom mal-papa.”
“Ħlomt li l-quddiem norganizzaw attività fejn il-Kunsill jiġbor iż-żebbuġ li jagħtuna dawn is-siġar u oħrajn sabiex nagħmluh żejt u nkunu nistgħu nbiegħuh u li niġbru, nagħtuh lil xi familji fil-bżonn…” tenna s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ fil-kitba tiegħu.
Huwa kompla jispjega kif dawn is-siġar li ħawwlu spiċċaw ġew misruqa. “Imma int min int, din is-siġra u 3 oħra ċaħħadthom lil ibni, lit-tfal u lil poplu kollu…għall-egoizmu tiegħek! Kollox tar mar-riħ! Kif tista’ tisraq u tħoss sodisfazzjon tara dawn is-siġar jikbru?!” saħaq Malcolm Paul Agius Galea fuq il-post tiegħu.
Huwa temm jikteb messaġġ lil min seraq is-siġar u qalu; “Issa xħin tkun għal kwiet fl-għalqa tiegħek, ħares u ammira dak li sraqt. U ftakar…is-siġra se tagħtik il-frott tagħha l-quddiem imma dak qatt mhu sejjer ikun tiegħek…”
Possibbli li għadd hawn dawn it-tip ta’ nies?