Xufier Ta’ Tractor Sofra Ġrieħi Gravi F’Inċident Tat-Traffiku F’Ħ’Attard
Xufier ta’ tractor spiċċa maqlub fuq roundabout u ġarrab ġrieħi gravi wara ħabta ma’ karozza.
L-aċċident seħħ illum, għal xi siegħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li kienet seħħet ħabta bejn karozza Mercedes Benz E220, misjuqa minn ġuvni ta’ 23 sena residenti Tas-Sliema, u tractor tal-għamla Massey Ferguson 135, misjuq minn raġel ta’ 55 sena residenti ir-Rabat.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet liż-żewġ xufiera l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw l-kura meħtieġa. Aktar tard, ir-raġel ta’ 55 sena ġie ċċertifikat li kellu ġrieħi gravi, filwaqt li l-ġuvni ta’ 23 sena sofra ġrieħi ħfief.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu wkoll fuq il-post sabiex jassistu.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.