39 Rekluta Jingħaqdu Mal-Korp Tal-Pulizija

 39 Rekluta Jingħaqdu Mal-Korp Tal-Pulizija

F’ċerimonja li saret dalgħodu fil-Forti Sant’Iermu, 39 rekluta – 24 raġel u 15-il mara – ingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli, wara li temmew il-Kors ta’ Taħriġ għar-Rekluti.

It-taħriġ, li dam sitt xhur, tmexxa mill-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u kien jinkludi, kemm taħriġ fiżiku, kif ukoll taħriġ akkademiku, li għall-ewwel darba huwa akkreditat mill-Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla fl-Livell MQF4.

Fost it-63 suġġett li ġew mgħallma, kien hemm dawk akkademiċi fosthom fuq id-drittijiet fundamentali; l-etika; id-diversità; informazzjoni dwar il-liġijiet ta’ Malta; regoli u proċeduri; kif ukoll investigazzjonijiet ta’ reati bħal vjolenza domestika, abbuż tat-tfal, offiżi sesswali; u għarfien fuq is-saħħa mentali.

Il-kuntistabbli ġodda ngħataw ukoll taħriġ prattiku li kien jinkludi fost oħrajn l-użu tal-armi tan-nar u l-użu tat-taser; proċeduri ta’ kontroll u trażżin; u kors fl-ewwel għajnuna.

Fil-messaġġ tiegħu lir-rekluti l-ġodda, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li meta wieħed isir pulizija, ma jkunx daħal għal xogħol bħall-oħrajn imma għat-twettiq ta’ vokazzjoni.

“L-irwol tagħkom huwa sejħa għal min irid jikkontribwixxi biex ngħixu f’soċjetà iktar sigura. Madankollu, tistriħux għax issa lestejtu t-taħriġ tagħkom. Jeħtieġ li toħorġu għal ġurnata tax-xogħol biex tagħmlu differenza,” qal il-Ministru.

Il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà ħeġġeġ lill-kuntistabbli l-ġodda sabiex ikunu kburin li mil-lum bdew jilbsu l-uniformi tal-Pulizija u jżommu ġo fihom sens ta’ dixxiplina u responsabbiltà. Qal li l-għan prinċipali huwa li l-pubbliku, u allura l-klijenti tal-Korp, iżid il-fiduċja fil-pulizija, tant li fl-aħħar sena, mhux biss kiseb aktar fiduċja min-nies, imma wkoll saħħaħ il-ħidma fil-komunità u mal-komunità.

“Intom se tkunu assenjati biex taħdmu mal-komunitajiet fi rwoli differenti, kemm fl-għases madwar il-pajjiż kif ukoll biex inkomplu nkabbru t-timijiet tal-Pulizija għall-Komunità sabiex b’hekk issa se nkunu qegħdin inkopru 29 lokalità f’Malta, u Għawdex kollu. L-istrateġija tal-Korp f’dan ir-rigward hija li nkomplu nsaħħu dawn it-timijiet biex sal-aħħar tal-2023 inkunu koprejna l-pajjiż kollu.”

Il-Kummissarju semma ukoll kif dawn il-pulizija ġodda deħlin fi żmien li l-Korp tal-Pulizija kompla jsaħħaħ il-prinċipji tal-governanza tajba, bl-aħħar miżura tkun l-introduzzjoni ta’ policy li tirregola t-testijiet tad-droga u x-xorb alkoħoliku.

Matul iċ-ċerimonja saret ukoll il-preżentazzjoni tal-premijiet, tal-aħjar żewġ rekluti fis-suġġetti akkademiċi. Fl-ewwel post spiċċat Abigail Sciberras u fit-tieni post Raisa Micallef; kif ukoll fis-suġġetti prattiċi, fejn fl-ewwel post ġie Larson Cassar Jeffries fit-tieni post ġie Calvin Sammut.

Il-premju tar-rekluta li l-aktar li ddistingwiet ruħha matul il-kors (il-Mark Farrugia Shield), ingħata lil Abigail Sciberras.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com